Hekk kif bdew l-aħħar preparamenti għal-LifeCycle Challenge tal-2023, il-LifeCycle (Malta) Foundation ħadet pawża importanti biex tniedi l-film li jirrakkonta l-istorja tagħha bl-isem “Blood Sweat and Gears”.
Il-film intwera għall-ewwel darba fiċ-Ċinema ta’ Spazju Kreattiv fis-6 ta’ Novembru, b’udjenza komposta minn nies li kienu jew huma involuti fil-vjaġġ tal-LifeCycle, inklużi ċiklisti, voluntiera, sponsors, donaturi tal-kliewi, u l-aktar importanti, pazjenti b’mard tal-kliewi.
“Blood Sweat and Gears” huwa produzzjoni ċinematika lokali li tirrakkonta l-istorja ta’ nies li jsofru mill-Chronic Kidney Disease, u li d-diffikultajiet tagħhom wasslu għal waħda mill-akbar espressjonijiet ta’ solidarjetà permezz tal-isports fl-istorja ta’ Malta. Il-film isegwi l-istorja tal-vjaġġi personali tagħhom, li jintrabtu ma’ dak tal-LifeCycle (Malta) Foundation u l-LifeCycle Challenge.
L-istejjer tal-pazjenti, irrakkuntati fl-isfond kliniku u domestiku, jitqiegħdu biswit ix-xenarju evokattiv u filmati minn wara l-kwinti miġbudin waqt il-LifeCycle Challenge tal-2022 fl-Arġentina u ċ-Ċilì.
Hekk kif ir-rakkonti ta’ nies differenti jieħdu l-ħajja fuq l-iskrin, u fl-aħħar mill-aħħar jingħaqdu fi sforz kollettiv biex tintrebaħ sfida b’għan komuni, it-toroq tagħhom jerġgħu jinfirdu għal darb’oħra, biċ-ċiklisti jlestu l-isfida tagħhom u l-pazjenti jkomplu jiffaċċjaw il-marda u l-konsegwenzi tagħha li jbiddlulhom għal kollox il-ħajja tagħhom. Madankollu, iż-żerriegħa tat-tama ġiet miżrugħa u edizzjoni oħra tal-LifeCycle Challenge tinsab viċin.
F’kumment dwar il-film, il-fundatur tal-LifeCycle (Malta) Foundation Alan Curry stqarr: “Il-film huwa rakkont ħaj ta’ kemm imxejna ‘l quddiem minn meta twaqqfet il-Fondazzjoni lura fl-1999. Il-film iwassal ukoll messaġġ ta’ tama, perseveranza u reżiljenza billi juri kif l-empatija u d-determinazzjoni għenu biex itejbu l-ħajja ta’ tant nies milquta mill-mard tal-kliewi. Dan il-film mhuwiex biss l-istorja tal-passat tagħna; huwa xhieda tal-viżjoni tagħna għall-futur.”
Matul is-snin, il-LifeCycle (Malta) Foundation ġabret ‘il fuq minn €3 miljun u tibqa’ l-unika organizzazzjoni volontarja li tiġbor fondi biex tappoġġja lill-pazjenti b’mard tal-kliewi f’Malta u Għawdex, sabiex tgħin tiffinanzja r-riċerka dwar il-mard tal-kliewi u tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi. Hija għandha l-għan li tiġbor €200,000 oħra permezz tal-LifeCycle Challenge ta’ din is-sena.
Fit-22 edizzjoni li għaddew, iċ-ċiklisti tal-LifeCycle Challenge żaru 53 pajjiż u saqu r-roti tagħhom tul total impressjonanti ta’ 40,317 kilometru.
Fil-ġimgħat li ġejjin, grupp ta’ ċiklisti se jtemmu l-programm ta’ taħriġ intensiv tagħhom ta’ 16-il ġimgħa qabel jitilqu lejn Bangkok, fit-Tajlandja, fit-23 ta’ Novembru għal-LifeCycle Challenge tal-2023. Fi żmien għaxart ijiem, il-grupp huwa mistenni li jispiċċa l-vjaġġ ta’ 2,000 kilometru bir-rota u jasal Kuala Lumpur, fil-Malasja, fit-8 ta’ Diċembru.
Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz tar-Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal mil-link: https://buff.ly/35g17CC jew billi wieħed jibgħat SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65.
Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25
//= $special ?>