Lokali

WARA DAK LI SEĦĦ FIL-QORTI: Dubji dwar kemm il-mobile tiegħu kien mitluf

L-avukati tal-eks chief of staff fl-OPM Keith Schembri mhumiex kuntenti bid-deċiżjoni tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li mexxiet il-każ tiegħu dwar ħasil ta’ flus, fejn qegħdin jikkontendu li dan jista’ jippreġudika lill-klijent tagħhom. Għalkemm minn informazzjoni li għandu NET News, jidher illi hemm dubji dwar kemm verament il-mobile ta’ Keith Schembri – dak li l-avukati tiegħu jridu li jitneħħa minn prova kontrih – kien veramet mitluf.

Nhar it-Tnejn, Keith Schembri ressaq każ kostituzzjonali fejn insista li l-mobile tiegħu għandu jitneħħa bħala prova kontrih f’każ ta’ ħasil ta’ flus wara li skont hu ntilef waqt li kien fil-pussess tal-Qorti.

Ir-rikors ta’ Schembri jgħid li dan intilef u mbagħad instab fil-fajls ta’ każ ieħor. Dan, sostna, kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet. Minn informazzjoni li wieħed jista’ biss jikkonfermaha nhar il-Ġimgħa, meta l-Maġistrat Frendo Dimech, tkun qed tippresiedi l-każ ta’ Keith Schembri.

Dan huwa t-tieni mobajl ta’ Keith Schembri li allegatament intilef. L-ewwel wieħed kien intilef ftit qabel ma kienu marru l-Pulizija jinterrogawh, u dan skont l-istess Keith Schembri, intilef fil-Qorti. Dan it-tieni mobile għandu jagħmel parti mill-proċess fi-ġuri ta’ Yorgen Fenech, u jista’ jkun ta’ mportanza kbira mhux biss fil-każ ta’ ħasil ta’ flus, imma wkoll fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech.

It-Tlieta, l-avukati ta’ Schembri qalu li rċevew email mingħand id-deputat reġistratur tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech it-Tnejn filgħaxija fejn jinfurmawhom li s-seduta li jmiss fil-kawża tal-ħasil tal-flus li kienet skedata għall-20 ta’ Novembru, issa ġiet skedata għall-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru.

Dan kien ifisser li l-proċedimenti kienu se jkomplu qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-qorti kostituzzjonali dwar jekk il-mobile kienx se jiġi aċċettat bħala evidenza. Billi tressaq il-każ kriminali sal-Ġimgħa, il-mossa tal-Qorti tal-Maġistrati tista’ tirriżulta fi preġudizzju serju għal Schembri, qed isostnu l-avukati tiegħu.

Għalhekk l-avukati ta’ Schembri issa talbu lill-Imħallef Mark Simiana, li kien assenjat il-każ ta’ ksur ta’ drittijiet, biex jittratta l-każ b’aktar miżura ta’ urġenza u biex jaħtar l-ewwel seduta qabel is-seduta tal-Ġimgħa quddiem il-Maġistrat Frendo Dimech.

Talbu wkoll lill-qorti biex tippreserva r-recordings tas-CCTV f’dawn l-aħħar sitt xhur li juru l-movimenti kollha ġewwa u barra mill-kamra fejn kienu maħżuna l-esebiti. Dik kienet il-kamra fejn allegatament ġie ntraċċat it-telefon ‘nieqes’ ta’ Schembri. Dawk ir-reġistrazzjonijiet kellhom jinżammu taħt is-siġill tal-qorti, qalu l-avukati. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo iffirmaw ir-rikors li ppreżentaw it-Tnejn.