Diversi għaqdiet ilhom ix-xhur jappellaw lill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà sabiex jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu la darba mhux se jibda jinvestiga u jressaq il-Qorti persuni b’allegazzjonijiet serji, għaddew ix-xhur u Gafà baqa’ jonqos milli jagħmel dmirijietu.
U issa, mhux talli mhux se jkun qed iwarrab biex iħalli lill-ħaddieħor iġib il-ġustizzja tant meħtieġa f’pajjiżna, talli f’intervista li għamel mal-Lovin Malta, ikkonferma li se jkun qed iżomm postu u saħansitra qed jimmira għat-tieni terminu bħala Kummissarju tal-Pulizija.
“Il-ħsieb tiegħu huwa li wara Ġunju li ġej inkompli fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.”
Aktar minn tliet snin ilu… proprju f’Ġunju tal-2020, Angelo Gafa kien inħatar Kummissarju tal-Pulizija. U fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet li kien indirizza… kien qal preċiżament dawn il-kelmiet.
“Il-korp tal-Pulizija mmexxi minni mhux se jkun influwenzat minn ebda isem, la qatt ma għamiltu fil-passat dan u żgur mhu se nħalli lil ħadd jagħmlu taħt it-tmexxija tiegħi.“
Issa għaddew kważi tliet snin u nofs u pajjiżna għandu Kummissarju tal-Pulizija li għamel u għadu qed jagħmel proprju l-oppost ta’ dak li kien wiegħed li se jagħmel meta laħaq f’din il-kariga.
Għandna Kummissarju tal-Pulizija illi qed jiġi akkużat li spiċċa jdejh marbutin, Kummissarju li spiċċa kellu jagħlaq ħalqu, Kummissarju assenti quddiem każ wara l-ieħor ta’ korruzzjoni. Każijiet ta’ korruzzjoni li fihom hemm involuti esponenti tal-Gvern Laburista.
Fost l-aħħar minn sensiela ta’ każijiet ta’ korrruzzjoni li għandu f’ħoġru Angelo Gafa hemm l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali, l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan u l-iskandlu tad-deal li sar ma’ Vitals u Steward. Kollha każijiet li minnhom insteraq il-poplu Malti u Għawdxi.
Affaċċjat b’dawn l-iskandli kollha, pajjiżna għandu Kummissarju li mhu qed jieħu ebda azzjoni, Kummissarju li fil-każ tad-deal tat-tliet sptarijiet, qed jibqa’ jinħeba wara l-inkjesta maġisterjali u jibqa’ jkaxkar saqajh.
Fl-aħħar jiem, il-PN ippreżenta protest ġudizzjarju fejn qed jinsisti li kull min kien involut fid-deal tal-Vitals u Steward se jinżamm personalment responsabbli. Il-protest ġudizzjarju jżommu responsabbli ta’ għemilhom lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-Avukat tal-Istat u lill-Avukat Ġenerali u jimbuttahom jagħmlu xogħolhom. Dan wara li ingħatat twissija verbali lil Angelo Gafà, iżda dan baqa’ ma ħax azzjoni ċara.
//= $special ?>