Graham Bencini, PN
Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal fil-parlament li l-gvern Laburista jwettaq ċensura fuq dawk kollha li jkkritikaw lill-gvern waqt li fl-istess waqt jikkontrolla l-PBS.
Graham Bencini qal li taħt Gvern Laburista, ix-xandir pubbliku sar xandir tal-Istat u magna ta’ propoganda tal-gvern Laburista. Hu sostna li hemm diversi rapporti internazzjonali li jikkonfermaw dan.
Fost dawn hemm ir-rapport tas-CMDS, li hu bbażat fuq riċerka internazzjonali dwar l-media, li kien ikkategorizza lix-xandir pubbliku bħala ‘xandir tal-Istat’. Dawn sabu li l-aspett editorjali tal-PBS hu kkontrollat mill-gvern u kkonkludew li din hi l-akbar problema li qed jiffaċċja l-PBS.
Rapport ieħor tas-Centru for Media Freedom qal li l-indipendenza tal-PBS hi mhedda minn influwenza tal-gvern. Malta kienet ukoll imwissija minn studju li sar fost il-pajjiżi kollha tal-UE fejn jirriżulta li f’Malta kien hemm riskji ogħlja ħafna ta’ indħil politiku fix-xandir pubbliku. Dan l-istudju juri li dan ir-riksju hu ferm ogħli; anzi kważi d-doppju.
Kien hemm ukoll ir-rapport ta’ Transparency International li stabilixxa li Malta tinsab fl-aħħar post fl-indiċi ta korruzzjoni. Waħda mir-raġunijiet għal dan hi minħabba l-indħil politiku fil-mezzi tax-xandir f’Malta.
Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li dawn huma ċentri internazzjonali u indipendenti li kollha qed jgħidu li x-xandir pubbliku f’Malta hu kkontrollat mill-gvern Laburista. Iċ-ċensura issir lokalment bil-barka tal-Awtorità tax-Xandir.
Hu semma’ kif parti mid-diskors tal-Papa Franġisku kien ċensurat għax il-Papa kien qal li Malta trid tkompli tiġġieled il-korruzzjoni u trawwen l-onestà fil-politika waqt li twaqqaf il-kostruzzjoni u l-ispekulazzjoni tal-art. Il-PBS ma kienx irrapporta din il-parti tad-diskors tal-Papa Franġisku.
Dan filwaqt li jseħħ żbilanċ kontinwu kontra l-PN fix-xandir pubbliku fejn id-diskorsi tal-Kap tal-PN ikunu ċensurati. L-sietss seħħ fil-konfront ta’ rapport internazzjonali fosthom dwar l-indiċi tal-korruzzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li x-xahar li għadda l-PBS ipprovat titfa’ l-ħabs lil Robert Aquilina għax ikkritika l-mod kif qed jimexxa l-PBS u għamel konferenza fil-bieb tal-PBS. Il-budget tal-PBS reġa’ żdied b’€200,000. Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Mark Sammut jitħallas żewġ salarji għal totali ta’ €130,000 fis-sena għall-istess xogħol waqt li l-PBS titlef il-miljuni.
Jirriżulta li l-PBS ma jridx jagħti l-informazzjoni dwar pagi ta’ uffiċjali tal-PBS, sostna Graham Bencini, li kompla li x-xandir pubbliku għandu jservi lill-pubbliku.
Id-deputat Nazzjonalista jeħtieġ li jissaħħu l-istrutturi li jbiegħdu l-PBS mill-gvern, jeħtieġ jissaħħaħ il-kontenut indipendenti, jeħtieġ tissaħħaħ il-kwalità ta’ programmi ta’ servizz pubbliku u jkun hemm iktar trasparenza dwar l-infieq tal-fondi allokati għax-xandir pubbliku flimkien mal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-PBS. Hemm diversi mudelli internazzjonali li minnhom għandhom jittieħdu l-ideat dwar kif jitmexxa xandir pubbliku, sostna Graham Bencini.