Lokali Parlament

Il-governanza tal-lokalitajiet għandha tingħata lura lill-kunsilli lokali


Darren Carabott, PN


Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal fil-parlament li l-governanza tal-lokalitajiet għandha tingħata lura lill-kunsilli lokali.


Darren Carabott beda billi sellem lil Pawlu Curmi ‘Il-Pampalun’ għall-kontribut li ta fil-Karnival Malti.


Hu qal li fil-budget il-gvern ma tax l-importanza mistħoqqha lill-kunsilli lokali u sostna li hemm kunsilli lokali li m’humiex ilaħħaqu mal-ispejjeż. Dan għal diversi raġunijiet, fosthom iż-żieda fil-popolazzjoni u żieda fit-turiżmu. Minkejja dan, il-gvern mhux jivvota fondi biżżejjed quddiem dawn l-isfidi.


Waħda mill-problemi madwar il-pajjiż kollu hi n-nuqqas ta’ indafa. Minkejaj dan, fl-estimi ma kien hemm l-ebda żieda għal dan is-settur anzi naqset meta komparata mal-2022.


Darren Carabott semma’ s-sigurtà u qal li fil-Belt kien hemm żieda ta’ rapporti u inċidenti ta’ ġlied u nuqqas ta’ sigurtà bi ħwienet kumemrċjali li qed ikollhom jimpjegaw uffiċjali ats-sigurtà biex jipproteġu lill-klijenti. Dan mhux iseħħ biss fil-Belt iżda wkoll f’lokalitajiet oħra bħas-Swieqi u San Pawl il-Baħar. Jeħtieġ li l-kunsilli lokali jkunu involuti fil-garanzija biex ikun hemm iktar sigurtà fil-lokalitajiet.


Dwar l-identità, Darren Carabott qal li l-lokalitajiet Maltin u Għawdxin kollha għandhom identità biex jiftaħru iżda lanqas hawn il-gvern ma nvesta fondi fil-budget.


Hu tkellem dwar l-aċċessibbiltà u t-toroq u qal li għandu jsir pjan nazzjonali dwar aċċessibbiltà għal kulħadd fit-toroq. L-allokazzjoni għax-xogħlijiet fit-toroq fil-lokalitajiet naqas bin-nofs, spjega Darren Carabott, li kompla li f’dan il-budget il-gvern jibgħat messaġġ li l-kunsilli lokali se jkunu l-forza biex jitjieb l-ambjent.


Il-kunsilli lokali llum spiċċaw customer care tal-gvern tant li llum il-kunsilli lokali sar ineffettiv b’sistema fejn il-kunsilli jkollhom jistennew mingħand l-awtoritajiet. Dwar it-tindif tat-toroq, id-deputat Nazzjonalista qal li dan ma baqax taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali bil-konsegwenza li l-kunsilli lokali ma jistgħu jagħmlu xejn.


Din ir-responsabbiltà għaddiet għand il-Ministeru tat-Turiżmu fi proġett pilota. Hu apella biex il-gvern ma jibqax jieħu iktar poteri mingħand il-kunsilli lokali għaliex dawn illum lanqas għad għandhom rwol fit-traffiku.


Darren Carabott semma’ lis-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche li rriżenja mill-PL u qal li dan is-sindku ddikjara kemm sab bibien magħluqa mill-gvern biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma favur ir-residenti.


Kien hemm ukoll l-ex sindku Laburista Christan Zammit tax-Xagħra li ddikjara wkoll li kien se jitlaq u jwarrab min-nofs. Dan juri li mhux biss il-PN qed jikkritika lill-gvern dwar il-kunsilli lokali. Għalhekk jeħtieġ li l-gvern iħares bis-serjetà kif il-pajjiż jista’ jkollu governanza ta’ veru.