Paula Mifsud Bonnici, PN
Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet fil-parlament li l-gvern falla f’setturi bażiċi tas-saħħa.
Paula Mifsud Bonnici qalet li l-gvern m’għadx għandu idea ta’ x’inhu Soċjaliżmu għaliex dan ma jfissirx biss l-introduzzjoni ta’ miżuri għall-batut iżda hu filosfija ta’ politika li jħaddan fih firxa iktar wiesa’ ta’ sistemi ibbażati fuq il-ġid komuni.
Fis-saħħa dan il-gvern falla bil-kbir; iċ-ċertifikat ingħata mill-Qorti ta’ Appell li ddikjarat li l-ftehim ma’ Vitals kien ftehim qarrieqi li fih il-gvern u l-Vitals ikkonfoffaw minn wara dahar il-poplu.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern ma ħabbar l-ebda inizjattiva fuq is-saħħa u sostniet li d-dinjità hi wieħed mid-drittijiet fil-kuntest tas-servizzi tas-saħħa.
Hi qalet li l-aċċessibbiltà għall-kura tas-saħħa fl-anzjani hi ineżistenti, l-mediċini m’humiex tal-ogħla kwalità, il-mediċini qed jinxtraw bi prezz ogħli ħafna, l-anzjani qed jitħallew siegħat twal fl-Emerġenza, qed jitpoġġew fil-kuruturi bla twieqi u bla purtieri li jifirdu s-sodod waqt li jkollhom l-appuntamenti għall-operazzjonijet kanċellati.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern mhux jitkellem dwar kif se jibni skola medika, kif se jwettaq l-investiment fl-Isptar San Luqa u kif se jwetatq inizjattivi tant meħtieġa. Hi sostniet li l-Isptar Monte Carmeli jwerwer lin-nies li tant għandhom bżonn.
Falliment totali ta’ dan il-Gvern fis-settur tas-saħħa huwa zgur fil-qasam tas-saħħa mentali fejn hemm problemi kbar fosthom fil-qagħda tal-Isptar Monte Carmeli u fil-problema ta’ waiting list fejn fil-każijiet urġenti tat-tfal u l-adoloxxenti jdumu xahrejn.
Hemm biss erba’ psikjatri jaħdmu mat-tfal u l-adoloxxenti li kull wieħed minnhom għandu madwar 1,000 pazjent ras għal ras meta kkomparat mal-100 pazjent li għandhom kull psikjatra fl-Ingilterra. Dan filwaqt li ma sar ebda investiment serju u ġenwin fis-saħħa mentali, hemm nuqqas ta’ investiment f’riżorzi umani, fosthom ta’ psikologi u hemm nuqqas ta’ taħriġ bid-dipartiment fl-Isptar San Luqa fi stat tal-biki.
F’dan is-settur Il-PN għandu proposti ċari, konkreti, fattibbli, prattiċi u loġiċi. Il-PN ma jinteressaħx mill-interessi personali imma għandu verament għal qalbu lill-pazjent u lil kull persuna umana. Il-PN għandu filosofija waħda; id-dinjità u r-rispett ta’ kull persuna fil-pajjiż.