Internazzjonali

Il-Portugall: L-eks Prim Ministru Soċjalista u membri tal-Kabinett investigati dwar skandlu li jista’ ifisser elezzjoni bikrija

Il-President tal-Portugall,  Marcelo Rebelo de Sousa, mistenni li. ‘il quddiem, ixolji l-Parlament u jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija. Dan minħabba skandlu fis-settur tal-enerġija li qanqal l-għadab tal-poplu u li wassal għar-riżenja għall-għarrieda tal-Prim Ministru Soċjalista, Antonio Costa.

Ir-riżenja ta’ Costa – li ilu jservi bħala l-Kap Soċjalista mill-2015 – kienet aċċettata mal-ewwel mill-President, avolja l-eks Prim Ministru qed ikompli jinsisti li hu innoċenti fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

Antonio Costa u diversi membri tal-Kabinett tiegħu qed ikunu investigati għal allegati reati ta’ korruzzjoni passiva, evażjoni ta’ responsabbiltà relatata mal-iskandlu kif ukoll dwar  xiri ta’ influwenza li permettiet biex ċerti kumpanniji jingħataw trattament ippreferut fuq ħaddieħor.

Kollox kien qed jindika – qabel l-iskandlu – li Costa kellu jkompli fil-poter għal ħafna snin wara s-suċċess tas-Soċjalisti fl-aħħar elezzjoni. Madankollu, il-futur tal-Partit tiegħu issa qed jidher imċajpar u speċjalment ladarba s-Soċjalisti Portugiżi ilhom jissemmew b’relazzjoni ma’ aġir korrott u ‘ftehim minn taħt bi ksur tal-liġi’.

Dan l-aġir  fost oħrajn kien wassal għar-riżenja, f’Diċembru, ta’ Joao Galamba minn Ministru responsabbli mill-Infrastruttura u l-Housing u li seħħet b’konnessjoni ma’ pagament dubjuż  ta’ nofs-miljun ewro lil membru tal-bord tal-linja tal-ajru nazzjonali TAP Air Portugal.

L-investigazzjoni attwali fil-Portugall sal-aħħar sigħat ikkonċentrat fuq aktar minn 40 lokalità relatati mal-konċessjonijiet għall-produzzjoni tal-gass lithium fil-minjieri ta’ Romano u Barroso, lejn it-Tramuntana tal-Portugall. Proġetti oħra fiċ-ċentru tal-iskandlu jinvolvu faċilità għall-produzzjoni tal-enerġija (hydrogen) u l-bini ta’ data centre fl-inħawi ta’ Sines.