Lokali

Imut Pawlu Curmi magħruf bħala r-Re tal-Karnival

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ Pawlu Curmi magħruf ukoll bħala l-Pampalun. Hu miet fl-età ta’ 92 sena, u kien ilu jagħti kontribut fil-ħidma tal-Karnivall sa minn mindu kellu 27 sena.

Hu jibqa’ magħruf għall-kontibut tiegħu permezz tal-kompetizzjonijiet taż-żfin u anke l-kompetizzjonijiet tal-karrijiet, deskritt minn bosta bħala persuna dejjem bi tbissima fuq wiċċu u dejjem iferraħ lil dawk ta’ madwaru.

Pawlu Curmi twieled fit-12 ta’ Diċembru tal-1930, fi Triq Marsamxett, il-Belt Valletta u kien l-iżgħar fost disa’ aħwa. Curmi kien sar magħruf bħala il-Pampalun minn ta’ età żgħira hekk kif kien magħuf sew li jaf jilgħab il-futbol.

Il-mument li ħarġet l-aħbar tal-mewt ta’ Pawlu Curmi, bosta kienu dawk li kitbu fuq il-midja soċjali biex iselmu l-memorja ta’ Missier il-Karnival, waqt li jfakkru l-memorji sbieħ li kellhom miegħu speċjalment fi żmien il-Karnival.

Fost dawk li urew iddispjaċir tagħhom għat telfa ta’ Pawlu Curmi kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech li ddiskrivih bħala persuna li l-arti u l-kreattività kienet tibrilla fih, anke fid-diskursati li ġieli kellhom bejniethom.

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ukoll selmet il-memorja ta’ Pawlu Curmi permezz tal-profil fuq Facebook fejn qalet li l-Karnival qatt ma jista’ jkun l-istess mingħajr il-preżenza tiegħu fit-toroq Beltin.

Fost dawk il-persuni li ħadmu ma’ Curmi u sellmu l-memorja tiegħu kien hemm ukoll Mark Spiteri Lucas li ddeskrivih bħala ikona u leġenda sinonimu mal-Karnival Malti, artist per eċċelenza u mużiċist mill-ifjen.

Pawlu Curmi ma kienx magħruf biss għall-Karnival iżda anke għax-xogħol tiegħu fil-komunità Beltija. Huwa kien ukoll ingħata Ġieħ il-Belt għaxar snin ilu.

Intant, il-funeral ta’ Pawlu Curmi ser isir nhar is-Sibt li ġej fl-10 ta’ filgħodu fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu l-Belt Valletta.