Kunsilli Lokali Lokali

“In-nuqqas ta’ infurzar ipparalizza pajjiż sħiħ”

“In-nuqqas ta’ infurzar qed jipparalizza pajjiż sħiħ tant li r-resident qed iħossu mwarrab kaġun tan-nuqqas ta’ riżorsi u limitazzjoni fil-Kunsilli Lokali ta’ pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza dwar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti li dejjem qed tonqos f’żoni turistiċi.

Il-President ta’ ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’, Astrid Vella sostniet li n-nuqqas ta’ ippjanar wassal għall-isplużjoni fil-popolazzjoni u fis-sitwazzjoni li wasal fiha pajjiżna diversi setturi mhux qed ilaħħqu.

Apparti minn hekk, hi qalet li l-bini qed jiżdied b’mod sfrenat meta f’sena f’pajjiżna jiġu madwar 2.5 miljun turist iżda biex jimtela’ tal-anqas 80% tal-bini jrid ikun hawn mill-anqas 4.5 miljun turist fis-sena. U allura dan ifisser li f’Malta hawn iżżejjed bini.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Ippjanar, Bjorn Bonello qal li fl-aħħar għaxar snin kaġun tan-nuqqas tal-ippjanar ħolistiku diversi lokalitajiet qed jaffaċċjaw nuqqasijiet kbar fosthom problemi kbar ta’ parkeġġ kif ukoll diversi ostakli fit-toroq.

Is-Sindku ta’ San Ġiljan, Guido Dalli qal li l-isplużjoni tal-popolazzjoni ħolqot problema kbira fil-ġbir tal-iskart. Hawnhekk, huwa saħaq li ċ-ċitazzjonijiet mhux biżejjed iżda l-awtoritajiet għadhom jagħmlu l-ispezzjonijiet. Apparti minn hekk, Guido Dalli qal li wasal iż-żmien li l-ftit familji li jgħixu fiż-żona ta’ Paceville għandha tingħata permess għal parkeġġ residenzjali dan sabiex ikunu jistgħu joħorġu filgħaxijiet.

Waqt l-istess konferenza, is-Sindku ta’ Tas-Sliema, John Pillow qal li saret kważi impossibbli biex wieħed ikun jista’ jimxi fuq il-bankina bl-istabbilimenti joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet. John Pillow qal li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jieħdu azzjoni dan għaliex ir-residenti dejjem għandhom ikunu fiċ-ċentru.

Minn naħa tiegħu, il-Kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista, John Baptist Camilleri qal li Marsaskala tilef il-karaterristiċi tiegħu dan hekk kif illum il-ġurnata sar qisu sit ta’ kostruzzjoni. Huwa qal li din il-lokalità hemm problema kbira tad-drenaġġ kaġun taż-żieda qawwija tar-residenti.

Il-kelliema kollha saħqu li l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa kif ukoll il-poter li kellhom sabiex tkun tista’ issir il-ħidma neċessarja fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna.