Lokali Qorti

Jammetti serq ta’ flus u oġġetti minn ħwienet

Raġel ta’ 38 sena, residenti Birċebbuġa u li għandu problema ta’ droga u li ma jaħdimx ammetta quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li fit-18 ta’ Ottubru u t-3 ta’ Novembru li għadda wettaq diversi serqiet minn ħwienet tal-merċa.

Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti uliedu minuri li tnejn minnhom għandhom kundizzjoni ammetta li f’Ottubru seraq minn Supermarket rinomat li jinsab f’Santa Venera. Huwa ammetta li seraq flus u oġġetti minn dan is-Supermarket  għall-ħabta tat-3.20pm li b’kollox ma jaqbiżx il-valur ta’ €2,329.37ċ.

Ammetta wkoll li fl-istess ġurnata, madwar sagħtejn wara seraq minn kumpanija oħra fl-istess lokalità li wkoll l-ammont tiegħu ma jaqbiżx il-valur imsemmi flimkien ma’ oġġetti oħra. Ammissjoni oħra kienet fuq serqa oħra li saret minn Supermarket ieħor li jinsab fiż-Żejtun li kienet fit-terminu ta’ madwar l-istess ammont tas-serqiet preċedenti.

Il-ħati li qal lill-Qorti li hu diżokkupat, permezz tal-avukat tiegħu Edward Debono għamel talba biex ikun hemm divjet fuq ismu peress li huwa xi ftit partikolari, u għaldaqstant jekk jissemma’ ikun magħruf ma’ kulħadd – fosthom dawk li jiffaċċaw lil uliedu minuri.

L-Avukat Tilden Tabone, f’isem l-Avukat Ġeneral oġġezzjona minħabba li qal li ma hemm l-ebda raġuni valida dwar dan fiċ-ċirkostanzi, xi ħaġa li qablet magħha l-Qorti. Madankollu meta l-Qorti ġiet infurmata li r-raġel għandu tliet itfal, tnejn bi bżonnijiet speċjali u ieħor li kien qed jiġi “bullied” il-Qorti laqgħet it-talba biex isem il-ħati ma jixxandarx fuq il-meżżi tal-media.

Wara li nqraw l-akkużi r-raġel ammetta r-reati kollha kommessi, u dan ikkonfermah meta ngħata l-opportunità mill-Qorti biex jerġa’ jaħsibha. Dwar il-piena l-prosekuzzjoni qalet li dik massima hi ta’ tliet snin ħabs, u fiċ-ċirkostanzi tista’ wkoll tingħata piena ta’ sentenza sospiża jew probation. L-Avukat Tabone qal li hu kien lest li joqgħod għal dak li tiddeċiedi l-Qorti.

L-Avukat Edward Debono qal li l-klijent tiegħu ma ħaqqux il-massimu tal-piena fl-ewwel reat tiegħu u għandi jitpoġġa taħt probation order għal bejn sena u sena u nofs. Wara saret talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza.

Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għall-pleġġ u li jinħatar proabtion officer biex il-ħati jiġi gwidat mill-problema ta’ droga fejn hu diġa kellu sessjonijiet ma tas-Sedqa. Il-Qorti qalet li kienet se tagħti s-sentenza fl-1 ta’ Diċembru li fid-9.30 am.

Sakemm tingħata s-sentenza l-ħati għandu jiffirma fl-Għassa ta’ Pulizija ta’ Birżebbuġa tliet darbiet fil-ġimgħa, li jiddepożita l-passaport u l-karta tal-identita fi żmien jumejn u li l-ħelsien tiegħu jrid ikun garantit taħt garanzija personali ta’ €3,000.