Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ikkonfermat sentenza ta’ sentejn ħabs mogħtia mill-Qorti tal-Maġistrati il-konfront ta’ raġel ta’ 40 sena minn Ħal Għaxaq b’rabta ma’ pjan biex 11-il sena ilu l-karozza tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, tingħata n-nar. Dan iż-żmien Gafa kien għadu Spettur tal-Pulizija.
Duncan Buttigieg, Car Dealer – kien instab ħati li fid-9 ta’ Ottubru 2012, u fil-ġimgħat ta’ qabel, assoċja ruħu ma’ ħaddieħor biex tingħata n-nar il-karozza ta’ Angelo Gafà. Huwa kien akkużat ukoll li sar reċidiv wara li kiser diversi sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati.
Kien fis-7 ta’ Ottubru 2012 meta ċertu Joseph Cassar mar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u qal lill-Ispettur Gafà li Buttigieg kien qed jippjana biex jagħmillu ħsara fil-proprjetà tiegħu. Dak iż-żmien l-Ispettur Gafà kien il-prosekutur f’kawża fil-konfront ta’ Buttigieg u kien oppona għal talba ta’ differiment li saret mill-akkużat. A
Wara s-seduta Buttigieg mar fil-garaxx ta’ Cassar u talbu jekk kellux tnejn min-nies biex ikun jista’ jaħraq il-karozza ta’ Gafà. Cassar issuġġerixxa lil Buttigieg li jinħaraq il-bieb tad-dar ta’ Gafà imma jidher li Buttigieg ma riedx minħabba li setgħu jweġġgħu xi nies u ried biss li tinħaraq il-karozza. Cassar aċċetta li jagħmel dan għal €1,000.
Malli sar jaf l-Ispettur Gafà kien informa lis-superjuri tiegħu u bdiet investigazzjoni. Buttigieg ċaħad dak li qal Cassar u sostna li dan ried ipattihielu għax ried jinvolvih fi kwistjoni dwar droga. Qal li huwa kien irrifjuta u għalhekk irrikattah li se jirrappurtah lill-Pulizjia.
Buttigieg kien xehed li kellu problema serja tad-droga, kien jonfoq bejn €3,000 u €5,000 fix-xahar biex iżomm il-vizzju tiegħu u kien tella’ dejn ta’ €100,000 ma’ numru ta’ nies. Huwa kien xhud kontra Conrad Axisa, li kien mixli b’użura.
Buttigieg kien sostna li kellu jagħti somma żgħira lill-Axisa, li allegatament heddu li jisparalu f’irkopptejn kull darba li kien imur jixtrilu d-droga. Imbagħad irnexxielhom jaslu għal ftehim li permezz tiegħu Buttigieg kien iħallas lil Axisa €650 f’pagamenti ta’ €50, madankollu, ladarba ħallas l-ammont, Axisa sostnia li kien dovut €650 oħra, li kellhom jitħallsu f’daqqa.
Buttigieg qal li Axisa qallu wkoll biex jibda jittraffika d-droga għalih u kien f’dak il-mument li mar għand il-pulizija.
Fit-12 ta’ April tal-2016, Buttigieg kien instab ħati u kien ikkundannat sentejn ħabs waqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin fil-konfront tal-vittma. Buttigieg appella u fost oħrajn qal li l-Qorti straħet fuq xhud li ma kienx kredibbli. Madankollu l-Imħallef Neville Camilleri, li sema’ l-appell, sostna kif il-Qorti tal-Maġistrati ma straħitx biss fuq din ix-xhieda..
L-Imħallef Camilleri qal li mill-provi rriżulta li Cassar u Buttigieg kellhom pjan u l-akkużat ried biss li tinħaraq il-vettura tal-Ispettur Gafà. Kien għalhekk li kkonferma s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati.
//= $special ?>