Lokali

l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tagħti r-rakkomandazzjonijiet dwar iż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien

Wara li f’Awwissu li għadda l-Qorti ta’ Malta ddeċidiet li ma jsirx żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) għamlet is-suġġerimenti tagħha fil-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, u l-Awtorità tal-Ippjanar, dwar ir-reviżjoni tal-policy tal-ippjanar għas-sit ta’ Ħondoq ir-Rummien kif imfassal fil-pjan lokali ta’ Għawdex u Kemmuna.


Kwalità tal-ħajja ħolistika


Il-Kummissjoni Ambjent qed tipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni biex issostni li kienet qalet fl-istqarrijiet maħruġa fl-20 ta’ Lulju 2010 u l-24 ta’ April 2013 fl-eqqel tal-kwistjoni ta’ Ħondoq ir-Rummien. Il-KA kuntenta li rebħu r-raġuni u l-ġid komuni fuq l-interessi ekonomiċi limitati iżda jidhrilha li din il-kwistjoni ma kellhiex tkarkar għal aktar minn 20 sena.


Kif kienet tenniet fl-istqarrijiet imsemmija, il-KA temmen li żvilupp sostenibbli biss jista’ jkattar il-ġid ambjentali, soċjali u ekonomiku t’Għawdex. B’mod speċjali f’Għawdex m’għadx fadal lok għal mudelli antiki ta’ ekonomija mibnija fuq l-isfruttament irresponsabbli tar-riżorsi umani u ambjentali. Kull żvilupp li jseħħ f’din il-gżira għandu jiżgura li jtejjeb verament il-kwalità tal-ħajja ta’ kull ċittadin, iħares lejn gwadann ekonomiku fit-tul, u jħares il-wirt kulturali u naturali ta’ din il-gżira.


Bid-deċiżjoni li ttieħdet jidher li llum hemm ħafna aktar sensittività għall-bżonn li l-industrija tat-turiżmu tirrispetta l-bżonnijiet soċjali u ambjentali sabiex hi stess tkun tista’ tilqa’ għall-isfidi ekonomiċi li jitfaċċaw minn żmien għal żmien u fl-istess ħinissalva lilha nnifisha.


Għalhekk, għandu jkun żgurat li l-identità tal-pajsaġġ u s-sbuħija tal-inħawi jkunu valorizzati u konservati ħalli jkunu l-attrazzjoni prinċipali (principal assets) li biha tiġbed l-aqwa turist lejn Għawdex. Li jitwaqqaf il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien mhuwiex biżżejjed. Hemm bżonn urġenti li nkunu ferm aktar proattivi fil-mod kif nindukraw il-wirt Għawdxi. It-telqa tal-barriera u l-isfreġju ambjentali ta’ madwar il-bajja
għandhom ikunu indirizzati b’mod prattiku u konkret mill-iktar fis.

Il-KA taqbel mal-investiment li ser isir fir-restawr u r-riġenerazzjoni tal-post.


Rakkomandazzjonijiet

Il-KA tirrakkomanda li, bħalma jsir f’pajjiżi Ewropej oħra, jitwaqqaf bord regolatorju,
magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet u tal-komunità, li jiżgura li l-proċess ta’ restawr u riġenerazzjoni jkun serju, jinkludi l-istudji kollha neċessarji u jitmexxa b’mod responsabbli. B’hekk jiġu evitati l-iżbalji li saru fl-imgħoddi u jitħares il-benesseri tar-residenti ta’ din il-lokalità. Il-KA tħoss li l-Kunsill Lokali tal-Qala għandu jkollu sehem ċentrali f’dan il-bord peress li baqa’ jiddefendi dan is-sit mill-attakki li sarulu matul is-snin.


Sadattant, il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien rebħet il-ġieħ internazzjonali tal-Bandieral-Blu (Blue Flag). Għalhekk ikun għaqli jekk fil-bajja jitwaqqaf ċentru għall-edukazzjoni ambjentali ħalli dawk kollha li jżuruha japprezzaw il-valur naturali u kulturali tal-post.


Il-KA tissuġġerixxi li l-proċess li nbeda mill-gvern f’din il-lokalità, jiġifieri ir-reviżjoni tal-pjan lokali, ikun estiż malajr għall-pjan lokali ta’ Għawdex u Kemmuna kollu u l-pjanijiet lokali l-oħra kollha, sabiex b’mod immedjat titwaqqaf il-ħsara li twettqet u għadha qed titwettaq bid-deċiżjoni tal-estensjoni tal-konfini
tal-iżvilupp tal-2006.


Fl-aħħar nett, il-KA tinnota li filwaqt li din kellha tkun konsultazzjoni pubblika, id-dokument offrut għall-konsultazzjoni (li jikkonsisti f’policy map) jitlob udjenza teknika, u għaldaqstant jillimita liċ-ċittadin fis-sehem li jista’ jagħti.

Konsultazzjoni pubblika għandha tiżgura li tiffaċilita opportunitajiet sabiex kulħadd isemma’ l-opinjoni
tiegħu