Julie Zahra, PN
Id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra qalet fil-parlament li l-gvern qed juri nuqqasijiet kbar ta’ viżjoni u soluzzjonjiet fil-kultura u l-konservazzjoni tal-wirt storiku.
Fil-bidu tad-diskors tagħha Julie Zahra sellmet il-memorja ta’ Pawlu Curmi ‘Il-Pampalun’ għall-kontribut li ta għall-arti u l-kultura.
Julie Zahra qalet li l-gvern Laburista għamel 10 snin ta’ skandli fosthom dak tal-isptarijiet; iżda issa l-gvern qed jgħid li jrid Malta ġusta.
Fl-arti u l-kultura l-gvern mhu jgħid xejn ġdid u m’għandux pjan. Fil-budget, l-arti u l-kultra din is-sena sabu ruhħom f’233 kelma biss b’ebda proposta konkreta. Il-gvern għejja u tilef id-direzzjoni waqt li l-marker stone baqgħet għand il-Mnistru Refalo.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern Laburista hu responsabbli għall-politika li tifred u taġevola biss lin-nies viċin il-gvern.
Julie Zahra kompliet li l-gvern hu mhedi jalena lill-poplu b’kunċerti minn barranin iżda l-PN qed tippreżenta l-proposti fosthom li l-arti tkun imsemmija fil-kostituzzjoni. Dan biex l-Istat Malti jirrikonoxxi l-importanza tal-arti.
Id-deputat Nazzjonalista appellat għal iktar investiment fl-arti u fl-artisti u f’dawk kollha involuti fis-settur artistiku. Dwar l-ispazji li jaħdmu fihom l-artisti, Julie Zahra fakkret fil-persuna mqabbda mill-gvern biex jinstabu garaxxijiet għall-artisti; iżda l-artisti jridu multi-puropose hall u l-villaġġ tal-karnival mhux garaxxijiet.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li t-teatri li hawn fMalta u Għawdex huma limitati u għandhom nuqqasijiet. Jeħtieġ teatru nazzjonali ta’ kwalità superjuri li tista tilqa’ fiha esebizzjonijiet ta’ livell. Dan hu budget bla proposti għall-arti u l-kultura, sostniet Julie Zahra, li kompliet li anki l-artisti qed jirrikonoxxi dan.
Id-deputat Nazzjonalista sostniet li l-gvern ma ħabbar l-ebda inċentiv ġdid fil-budget ħlief li jitnedew xi skemi ġodda fosthom l-apprentistat.
Julie Zahra qalet li l-gvern issa qed jaħdem bi Creative Malta li ttieħdet mill-Kummissjoni tal-Films għall-Ministeru tal-Kultura. Għaliex dan sar issa u bil-moħbi, propju meta l-Kummissjoni tal-Films qed tkun investigata mill-Awditur Ġenerali? staqsiet Julie Zahra.
Dwar il-wirt nazzjonali, Julie Zahra qalet li Heritage Malta llum mhix awtonoma u għalhekk il-patrimonju mhux isawwar l-għaqda fil-pajjiż.
Il-PN jemmen li Heritage Malta terġa’ issir awtonoma. Heritage Malta llum timpjega persuni li m’humiex kwalifikati għax-xogħol li jagħmlu. Hi semmiet il-mużewijiet u qalet li dan is-settur mhux jilħaq l-iskopijiet tiegħu. Heritage Malta qed tonqos fil-konservazzjoni tal-patrimonju ta’ diversi setturi fosthom l-identità nazzjonali.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-PN għandu viżjoni dwar kif il-mużewijiet u s-siti storiċi jkunu esperjenza unika iżda dawn llum huma mantnuti ħażin. Heritage Malta qed tieħu kollox taħt idejha għaliex il-gvern mhux joffri opportunitajiet lill-privat biex joperaw huma.
Julie Zahra kompliet li s-siti ewlenin għandhom jibqgħu amministrati minn Heritage Malta iżda siti oħra jistgħu jkunu mmaniġġati mill-privat u minn għaqdiet volontarji oħra. Il-gvern għandu joħloq strateġija ħolistika dwar il-patrimonju nazzjonali u jwettaq kampanja edukattivi li jippreservaw l-istorja għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fid-diskors tagħha, Julie Zahra qalet li l-proposti tal-PN huma differenti u jibbażaw fuq l-involviment tal-privat u tas-soċjetà ċivili. Heritage Malta llum tiddependi biss fuq il-fondi tal-gvern meta din tista’ trendi l-fondi permezz tar-rikkezzi li għandu l-pajjiż fl-istorja.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li Heritage Malta saret l-operatur minflok regolatur u pproponiet li jissaħħaħ il-kunċett ta’ mużewijiet privati b’parteċipazzjoni tas-soċjetà. Jeħtieġ għalhekk qafas ma’ dawk kollha involuti.
Julie Zahra kompliet li l-gvern m’għandux il-ħeġġa li joħloq rabta bejn il-wirt storiku u t-turiżmu waqt li jikkonserva snajja li huma fir-riskju li jispiċċaw. Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet tas-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali ma jkunux mgħeluba mill-Awtorità tal-Ippjanar għaliex dan qed iwassal biex is-Sovratendenza tispiċċa tagħmel diversi u-turns. Għalhekk, fost l-oħrajn, twaqqgħu ċertu binjiet storiċi.
Il-viżjoni tal-PN hi li s-Sovratendenza terġa’ tkun awtonoma li tinsisti li jinħoloq bejn l-iżvilupp u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali. Hi kkritikat il-fatt li l-Gozo Heroitage Musuem tilef €4 miljuni f’fondi Ewropej għax ma sarux ix-xogħlijiet fi żminijiet stipulati.
Il-Gvern għadu ma fehemx ir-responsabbilitajiet veri tiegħu f’dan is-settur. Għandna diversi siti rikonoxxuti bħala UNESCO World Heritage Sites. Dan ifisser li pajjiżna hu gwardjan temporanju ta’ dawn l-assi uniċi u li jitfa’ fuqna responsabbilita’ kbira. Il-Belt Valletta hi eżempju ħaj ta’ dan kollu. Meta se nirrealizzaw bħala pajjiż li mhux biss il-faċċata tifforma parti mill-wirt nazzjonali tagħna, iżda l-intern tal-binja wkoll?
Il-viżjoni tal-PN hi li nassiguraw li ninvestu biżżejjed fondi u riżorsi sabiex f’dan li jirrigwarda siti li għandhom world heritage status isiru l-istudji u r-riċerka kollha neċessarja biex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ immaniġjar u konservazzjoni b’mod seren u dan b’mod infurmat u effettiv u mhix bl-addoċċ, qalet Julie Zahra.
Irridu naraw li nissalvagwardjaw kontra l-encroachment sabiex nassiguraw ukoll li dan il-wirt nazzjonali li jgawdi minn tali status dinji ngħadduh lil ġenerazzjonijiet futuri mhux kif inhu iżda aħjar milli sibnieh aħna.
Għalhekk irridu wkoll naraw li jiġu ddedikati r-riżorsi neċessarji sabiex nimplementaw bis-sħiħ il-UNESCO management plans u nippromwovu l-parteċipazzjoni komunitarja bħala parti integrali minn dan il-proċess, sostniet id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra.