Lokali Parlament

Nuqqas ta’ impenn u investiment mill-gvern fis-saħħa mentali; il-PN bi proposti konkreti


Ian Vassallo Hagi, PN


Id-deputat Nazzjonalista Ian Vassallo Hagi sostna fil-parlament li l-gvern qed juri nuqqas ta’ impenn u investiment mill-gvern fis-saħħa mentali.


Ian Vassallo Hagi qal li l-listi ta’ stennija fl-isptar qed ikomplu jiżdiedu iżda l-Prim Ministru qed jiftaħar li sar l-investiment fl-Isptar San Luqa meta fil-fatt ma sar xejn.


Id-deputat Nazzjonalista qal li ż-żidiet li qed jagħti l-gvern qed jispiċċaw bl-għoli tal-ħajja u fil-mediċini minħabba li hemm nuqqasijiet.


Il-gvern ma qal xejn dwar il-bini ta’ out patients blokk ġdid, xejn fuq l-Infectious Disease u għamel tnaqqas fl-investiment għar-robotika. It-total ta’ investiment kapitali fis-saħħa qed jonqos propju meta l-pajjiż għandu bżonn investiment ferm iktar.


Dwar il-kura primarja, id-deputat Nazzjonalista qal li ċ-Ċentru tas-Saħħa fin-naħa t’isfel jidher li hu lest iżda ċ-Ċentru tas-Saħħa fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta ma jidher imkien bħala investiment. Il-Mother and Baby Hospital ukoll m’għadux jissemma’.


Dwar is-saħħa mentali, Ian Vassallo Hagi qal li l-gvern ma żiedx l-investiment tiegħu. Kull sena l-gvern jagħmel wegħda li se jibni sptar ġdid għas-saħħa mentali iżda issa l-gvern lanqas biss għadu jsemmieha.
Dwar il-listi ta’ stennija, id-deputat Nazzjonalista qal li hemm 9187 jistennew MRI, 4461 jistennew CT scan, 417 jistennew operazzjoni tal-kararretti, 180 jistennew operazzjoni fil-ġenbejn u 1063 jistennew operazzjoni fl-irkoppa.

Dan filwaqt li dawk li għandhom bżonn kura fl-ortopedija jridu jistennew xahrejn.
F’Mater Dei hemm swali b’nuqqasijiet kbar anki dawk bażiċi ta’ iġene, sostna Ian Vassallo Hagi, li kompla li hemm każi fejn m’hemmx il-mediċini meħtieġa għall-pazjenti.


Gvern Nazzjonalista jinvesti fejn meħtieġ f’San Luqa, jitnaqqsu l-listi ta’ stennija, jsir titjib fid-Dipartiment tal-Emerġenza, jsir investiment fir-riżorsa umana u jsiru iktar teatri tal-operazzjonijiet. Hu semma’ s-saħħa mentali u qal li l-gvern mhux jinvesti f’dan is-settur meta dan hu settur li verament għandu bżonn investiment.


Jeħtieġ isir ukoll investiment fil-mediċini ġodda, sostna d-deputat Nazzjonalista, li semma’ l-proposti li l-PN għamel dwar is-saħħa mentali fosthom li jkompli jkun imtejjeb Monte Carmeli, li l-kura għas-saħħa mentali tingħata bħal kura oħra, jsir investiment fil-formolarju tal-mediċini, jsir pjan ta’ edukazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol u jsir investiment ikbar fuq il-postijiet tax-xogħol.