Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt ordnat lill-Mosta Football Club biex iħallu l-binja tal-każin tagħhom li jinsab fi Triq il-Kungress Ewkaristiku wara li dawn krew parti mill-proprjetà lil terzi biex tinbidel f’ristorant.
Il-Maġistrat Gatt, li jippresiedi l-Bord tar-Regolamentazzjoni tal-Kera, ordna l-iżgumbrament wara li sema’ kif ma kienx hemm permess li jikru taħt il-kuntratt oriġinali. Il-Qorti ġiet infurmata li s-sidien tal-proprjetà daħlu f’kuntratt ma’ Mosta FC f’Jannar tal-1982 biex jużaw il-fond bħala l-kwartieri ġenerali, bi klawsola speċifika li tgħid li l-fond jew xi parti ma setgħetx tiġi mikrija.
Sid il-post – Monica Ellul, li flimkien ma’ ħuha, wirtu l-proprjetà mingħand missierhom, qalet lill-Qorti li, skont il-kuntratt, il-fond kellu jintuża biss bħala każin u kien hemm projbizzjoni espressa dwar subcontracting fuq kiri.
Fis-sajf tal-2016, kien skopert li l-każin kien qed jopera minn post ieħor u li l-post kien inbidel f’Pizzeria, bl-isem ta’ Gianluca. Qalet li hi qatt ma awtorizzat dan, u żiedet li huma talbu lill-klabb biex iħalli l-post iżda rrifjutaw, u ġiegħluha tibda proċeduri fil-qorti.
Il-President tal-klabb George Galea qal lill-Qorti li l-Mosta Football Club kellu l-kwartieri tiegħu fi Triq il-Kostituzzjoni u kien jopera wkoll il-ground tal-futbol. Qal li l-bar fl-eks bini tiegħu fi Triq il-Kungress Ewkaristiku kien immexxi mill-kumitat tal-klabb. Kien issemma Gianluca għal ibnu stess.
Saħaq li ma kienx hemm kuntratt ma’ terzi għall-bar u r-restorant. Il-qorti nnutat, madankollu, li l-evidenza ppruvat mod ieħor. Għalkemm diversi membri tal-klabb ippruvaw juru li t-tmexxija totali tal-fond kienet għadha r-responsabbiltà tagħhom, baqgħu siekta meta kkonfrontati bil-kuntratt ta’ kiri bejn Galea, f’isem il-klabb, u ċerta Ritanne Muscat.
“Huwa ċar li l-klabb ħataf opportunità u beda jagħmel negozju. Biżżejjed ngħidu li l-ewwel ‘kera’, skont dak il-ftehim, magħmul bil-moħbi, kienet ta’ €10 kuljum, li żdidiet sa €20 kuljum. Dan meta l-klabb b’mod uffiċjali kien iħallas lis-sidien €7.61 kuljum,” osserva l-maġistrat.
Żied jgħid li l-president tal-klabb qatt ma attenda għas-seduti tal-Qorti wara li xehed. “Fil-fehma tal-bord, dan ġara għax inqabad b’xhieda skorretta,” qal il-maġistrat. Għalhekk, ordna lill-club biex jiżgombra mill-propjetà u jkopri l-ispejjeż legali kollha relatati mal-każ. Ġie ppreżentat appell mid-deċiżjoni. L-avukati Michael Camilleri rrappreżentaw lis-sidien u l-avukat Chris Camilleri deher għall-klabb.