Lokali Parlament

Pressjonijiet kbar fuq Mater Dei; jeħtieġ sptar ġdid

Ritratt: Martin Agius


Stephen Spiteri, PN


Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li hemm pressjoniet kbar fuq l-Isptar Mater Dei u għalhekk jeħtieġ li dan il-pajjiż ikollu sptar ġdid.


Meta kien qed jitkellem fil-parlament Stephen Spiteri qal li l-pajjiż waqa’ lura fl-investiment fl-isptarijiet u enfażizza l-ħtieġa li jinbena sptar ieħor għaliex Mater Dei m’għadux biżżejjed.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-kuntratti frawdalenti ma’ Vitals u Steward u qal li l-PN qatt m’ emmen li l-isptarijiet tal-poplu għandhomikunu privatizzazzjoni għaliex fis-saħħa m’għandux ikun hemm il-profitt bħala prijorità.


L-isptarijiet għandhom jitmexxew mill-gvern biex il-livelli jkompli jogħlew. Fl-aħħar tmien snin il-pajjiż bata mnkejja li fil-qorti l-verità rebħet.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Isptar Mater Dei qed jgħereq taħt il-pressjonijiet tax-xogħol u sostna li għandu jkun hemm viżjoni iktar ċara biex il-pajjiż ma jerġax jgħaddi minn dawn l-esperjenzi.


Hu qal li s-sena li għaddiet Steward ingħataw €80 miljun u sostna li wara s-sentenza tal-qorti dawn il-miljuni issa se jintużaw għall-ġid tal-poplu Malti. Dan ikkonfermawh l-esponenti kollha fis-settur tas-saħħa, sostna d-deputat Nazzjonalista, li fakkar li anki d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien mar għand l-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dawn il-kuntratti.


Lanqas il-professjonisti ta’ Steward ma kienu trattati bl-istess mod bħall-professjonisti tal-gvern. Din hi inġusta, sostan Stephen Spiteri, li appella biex il-ħaddiema kollha li kienu ma Steward jirritornaw mal-gvern bl-istess kundizzjonijiet, pagi u drittijiet li kellhom. Hu qal li l-Maltin huma kapaċi jmexxu l-isptarijiet billi jżommu l-aqwa livelli iżda l-prijoritajiet ikunu dawk fl-interess taċ-ċittadini.


Hu tkellem dwar is-saħħa mentali u qal li fl-Isptar Monte Carmeli hemm żoni li ma jixraqx lill-pazjenti. Il-pajjiż għandu bżonn sptar ġdid għas-saħħa mentali, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-gvern ma investiex f’Mater Dei għaliex ibbażata fuq Vitals u Steward.


Il-lista ta’ stennija fl-outpatients u għall-operazzjonijiet jeħtieġ jitnaqqsu, fost dawn hemm fl-ortopedija fejn l-anzjani qed ibatu minħabba dawn il-konsegwenzi. Il-pazjenti qed ikollhom jistennew xhur u snin biex isirulhom l-operazzjonijiet.


Id-deputat Nazzjonalista qal li għandhom isiru proġetti ta’ sħubija mal-privat iżda mhux kif sar ma’ Steward.


Stephen Spiteri tkellem dwar il-mediċini li jingħataw fuq il-formolarju tal-gvern u qal li għandha titnaqqas il-ħela esaġerata li hemm meta dawn il-mediċini jingħataw fil-komunità. Jeħtieġ li l-mediċini ġeneriċi jkunu tal-aħjar kwalità għaliex mhux aċċettabbli jkun hemm mediċini li ma jwasslux għar-riżultati. Dan iseħħ l-aktar f’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.


Hu appella biex il-kura tal-kimoterapija u t-tmexxija tas-servizzi mediċi jibdew jitmexxew mill-gvern u mill-professjonisti waqt li appella wkoll biex tinqata’ l-burokrazija fil-Community Chest Fund għaliex dawn in-nies ma jistgħux jistennew.


Jirriżulta li Malta tinsab fl-aħħar post fost il-pajjiżi li jużaw mediċini moderni speċjalment fil-kura tal-kanċer. Jeħtieġ li l-pazjenti bil-kanċer ma jgħaddux mill-Emerġenza normali biex b’hekk ikunu evitati iktar diffikultajiet.


Dwar il-kura primarja, Stephen Sptieri qal li jeħtieġ isir iktar investiment biex jitnaqqas il-piż fuq Mater Dei. Hu semma’ ċ-Ċentru Mediku ta’ Raħal Ġdid u qal li jeħtieġ ikun hemm sptar ġdid f’Għawdex għaliex Steward ma bnewħx.