Lokali Qorti

Racket ta’ karozzi misruqa li kienu qed jitqattgħu għall-parts f’Tal-Ħandaq

Arrest ta’ Bulgaru wasslet lill-Pulizija biex tibda investigazzjoni ta’ ċertu portata fuq numru ta’ karozzi misruqa li kienu qed jittieħdu f’garaxx f’Tal-Ħandaq, limiti ta’ Ħal-Qormi biex dawn jitqattgħu u jinbiegħu għall-parts.

Dan ħareġ hekk kif quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, tressaq Bulgaru ta’ 34 sena, li kien qed jaħdem bħala mekkanik fil-garaxx. Miroslav Mihalev ġie mixli li huwa kien jaf li l-imsemmija karozzi kienu misruqin u kienu qegħdin jiġu żarmati għal dan il-għan.

L-akkużat residenti Ħal-Qormi ammetta fl-istqarrija mal-pulizija meta ġie interrogat u kkonferma l-ammissjoni tiegħu fil-Qorti anke wara li ngħata ċ-ċans jaħsibha dwar dan. Huwa ammetta li bejn it-30 Ottubru u 6 ta’ Novembru f’diversi postijiet fil-Qasam Industrijali Tal-Ħandaq laqa’ għandu jew xtara vetturi misruqa bil-għan li jbiegħhom.

Ammetta wkoll li fFis-6 ta’ Novembru għall-ħabta tat-3 pm bidel traċċi ta’ reat li sar ġewwa parkeġġ li jinsab ukoll f’Tal-Ħandaq. Il-Prosekuzzjoni u d-difiża talbu lill-Qorti biex ikellmu lill-Maġistrat b’mod privat bl-avukat Jacob Magri aktar tard jgħid lill-Qorti biex tikkunsidra li tingħata l-piena minima, anke fid-dawl tal-fatt li għen u lest li jkompli jgħin lill-Pulizija dwar dan ir-racket.

Dr. Magri qal ukoll li Mihalev għandu rabtiet sew ma’ Malta fejn ilu jgħix għal dawn l-aħħar 11-il sena. Tenna wkoll li sentenza sospiża għandha tkun l-aħjar waħda f’dawn iċ-ċirkostanzi. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Sean Pawney u Stephen Gulia qalu li huma ma kienux qed jinsistu li l-ħati jingħata piena ta’ ħabs effettiva.

Il-Qorti qalet li kienet se tagħti s-sentenza fl-1 ta’ Diċembru li ġej u li sa dak inhar huwa għandu jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi darba fil-ġimgħa bejn it-8am u l-10pm u li jkun id-dar mhux aktar tard mit-8pm u ma joħroġx qabel is-7.30pm.

Mihalev li kien akkumpanjat ukoll minn martu għandu wkoll jiddepożita l-passaport u l-karta tal-identità tiegħu fil-Qorti fi żmien jumejn u li l-ħelsien mill-arrest tiegħu ngħata fuq garanzija personali ta’ €3,000.