Internazzjonali

Spanja: Protesti dwar liġi kontroversjali li tikkonċerna l-amnestiji — bil-Prim Ministru Sanchez iwebbes rasu

Il-protesti mill-attivisti tal-lemin kontra l-Prim Ministru Soċjalista ta’ Spanja qed isiru dejjem aktar vjolenti, bit-tensjoni tiżdied fi żmien meta Pedro Sanchez qed jipprova jinnegozja liġi dwar l-amnestiji meqjusa bħala ferm kontroversjali.

L-aħħar dimostrazzjoni ‘ta’ rabja’ saret fil-lejl tat-Tlieta barra l-kwartieri-ġenerali tal-Partit Soċjalista f’Madrid – bil-Prim Ministru Sanchez jinsisti li ‘se jkompli bil-pjan’ anki waqt li d-dimostranti kienu qed jiġġieldu mal-pulizija fil-kapitali.

Pedro Sanchez qed iħejji għal ‘vot ta’ investitura’ li jippermettilu biex jifforma Gvern ġdid għal Spanja filwaqt li jevita elezzjoni oħra fuq bażi nazzjonali. Madankollu, dan jista’ isir biss jekk kemm-il darba Sanchez jaċċerta mill-appoġġ tas-separatisti Katalani fil-Parlament,

Il-protesti qed isiru wkoll f’diversi bliet oħra fi Spanja – u meta fl-aħħar dimostrazzjoni weġġgħu l-għexieren tal-pulizija u l-attivisti.

Is-Soċjalisti spiċċaw it-tieni l-akbar partit fl-elezzjoni ġenerali ta’ Lulju li ntrebħet mill-Partit Popolari (PP) konservattiv. Madankollu, Alberto Nunez Feijoo, bħala l-Kap tal-PP, naqas milli jifforma gvern fil-vot tal-investitura ta’ Settembru u issa jmiss lil Sanchez li qed jidher qrib li jikseb biżżejjed appoġġ ( fil-Parlament) għal koalizzjoni ġdida li trid tamministra lil Spanja għas-snin li ġejjin,

Il-koalizzjoni mistennija tinkludi lill-Alleanza tax-xellug ‘Sumar’ iżda hu importanti wkoll l-appoġġ minn diversi partiti reġjonali fosthom il-Partit ‘Flimkien għal Katalonja’ u l-Partit Repubblikan għall-Katalani tax-Xellug – it-tnejn entitajiet li jridu l-indipendenza ta’ Katalonja minn Spanja.