Jake Castaldi u Steve Muscat rebħu l-kategorija tagħhom sabiex saru champions tal-Ewropa.
Dan seħħ fl-aħħar ġurnata tal-Kampjonat tal-Ewropa tal-Blackball li sar hawn Malta.
Jake Castaldi kiseb dan is-suċċess meta fil-finali ta’ Taħt il-15-il sena għeleb lill-plejer minn Wales Mason Lorey 6-1.
Suċċess ukoll minn Steve Muscat li rebaħ il-kategorija ta’ Taħt it-18-il sena wara li għeleb lil Solly Simpson tar-Renju Unit 6-3 f’logħba ferm ibbilanċjata.
Fl-aktar finali mistennija, dik tal-Men’s A, it-tim Malti ġie megħlub mill-Ingilterra 13-10. Malta bdiet bi żvantaġġ ta’ 5-0 iżda minn hemm bdiet ir-rimonta fejn ħin minnhom l-iskor kien 12-10. Madankollu, l-Ingilterra rebħet il-frame deċiżiv sabiex rebħet il-Kampjonat tal-Ewropa.
F’aktar finali fl-aħħar ġurnata ta’ logħob, it-tim B1 Malta ta’ Taħt il-15-il sena safa’ megħlub mill-Ingilterra 8-3 filwaqt li fil-kategorija ta’ Taħt it-18-il sena Tim A Ingilterra għeleb lil Tim A Malta 13-12.
Fil-finali tas-singles, Ryan Pisani kien megħlub mill-plejer minn Wales Craig Marsh 6-4.
//= $special ?>