“Id-deċiżjoni tal-AĠ, tal-Avukat tal-Istat u tal-Kummissarju tal-Pulizija tikkonferma l-ħtif tal-istituzzjonijiet” – Il-Kap tal-PN Bernard Grech

“Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija li ma jieħdux passi dwar il-korruzzjoni tal-isptarijiet tikkonferma l-ħtif tal-istituzzjonijiet.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illejla fid-dawl tal-fatt illi aktar kmieni llum, l-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija rrifjutaw is-sejħa tal-Oppożizzjoni biex ttieħed azzjoni kontra dawk involuti fil-ftehim tat-tlett sptarijiet; ftehim li l-Qorti tal-Appell ddikjaratu “frawdolenti” iżjed minn ġimagħtejn ilu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid kif l-Avukat tal-Istat Chris Soler, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa huma kompliċi mas-serqa li saret mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi, hekk kif qed jonqsu mir-responsabbiltajiet kostituzzjonali tagħhom u għalhekk qegħdin jgħinu lill-gvern sabiex ikompli jwettaq korruzzjoni u frodi.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-deputat Nazzjonalista Adrian Delia li qal kif l-Avukat tal-Istat qed imur kontra dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta hekk kif din tgħid li l-istess persuna responsabbli m’għandix tkun taħt kontroll ta’ entita jew individwi oħrajn, imma jipproteġi liċ-ċittadin. Dan filwaqt li tkellem fuq kif anke l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali naqsu mir-responsabbiltajiet tagħhom lejn iċ-ċittadini Maltin – li juri ċar il-ħtif tal-istituzzjonijiet mill-Gvern ta’ Robert Abela.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-deputat Nazzjonalista Adrian Delia ressqu protest ġudizzjarju fejn talbu lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni kontra dawk li ffrodaw lill-poplu Malti mal-€400 miljun fid-deal frawdolenti li l-Gvern Laburista għamel ma’ Vitals u Steward, mingħajr l-għarfien tal-poplu. Dan l-att ġudizzjarju ta lill-awtoritajiet ġimgħa żmien biex jieħdu azzjoni, kif kienu obbligati li jagħmlu; azzjoni illi issa t-tliet entitajiet ċaħdu milli jieħdu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u d-deputat Nazzjonalista Adrian Delia tkellmu ukoll kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jirrispondi għal din id-deċiżjoni fil-qorti, filwaqt li saħqu li l-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex issir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi.