Lokali

Il-Kċina ta’ Marta: Madwar 350 persuna fil-ġimgħa jirċievu mal-1,200 ikla b’xejn

Fl-aħħar jiem, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna inawgura l-Kċina ta’ Marta, inizjattiva oħra tal-Knisja f’Malta sabiex tkompli tgħin lill-persuni li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli.

Madwar 350 persuna fil-ġimgħa qed jirċievu mal-1,200 ikla b’xejn ippreparata minn 30 voluntier tal-Kċina ta’ Marta, fis-Seminarju tal-Arċisqof, f’Tal-Virtù. 20 persuna oħra jieħdu ħsieb it-tqassim tal-ikliet fid-djar għal dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom.

Il-Kċina ta’ Marta hi inizjattiva mmexxija minn LOOP Djakonija Parroċċi bl-għajnuna ta’ The Alfred Mizzi Foundation.

Mill-bidu ta’ din is-sena sa issa, il-Kċina ta’ Marta pprovdiet madwar 50,000 ikla.

Grazzi għall-benefatturi u l-ħidma tal-voluntiera, l-ispiża tal-ikel tonqos bi 80%. Il-bqija tal-ispejjeż jitħallsu mid-donazzjonijiet fil-parroċċi u mill-ġenerożità tal-pubbliku. Donazzjoni ta’ €30 tkun qed tgħin biex persuna jkollha x’tiekol ikla kuljum għal xahar sħiħ.

Waqt iż-żjara, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li din l-inizjattiva hi sinjal ta’ tama għal min bħalissa għaddej minn żmien diffiċli. L-Arċisqof appella li hekk kif riesaq żmien il-Milied, li għal ħafna jkun mimli b’ikliet u ċelebrazzjonijiet, niftakru wkoll f’min ma jistax igawdi lanqas ikla waħda kuljum. Saħaq sabiex kull min jista’, jagħti donazzjoni ċkejna lill-Kċina ta’ Marta.

F’isem The Alfred Mizzi Foundation, Julian Sammut qal li l-Kċina ta’ Marta hi s-suċċessur tal-ikliet li waqt il-pandemija kienu jitqassmu b’xejn minn Caritas Malta u Alf Mizzi Foundation. Qal li sabiex il-Kċina ta’ Marta tkompli toffri ikel b’dinjità, il-fondazzjoni tat vann mgħammar apposta sabiex l-ikliet jitqassmu fejn hemm bżonn.

Sammut semma wkoll li The Alfred Mizzi Foundation tgħin b’aktar minn 100,000 ikla fis-sena fosthom lil Dar Papa Franġisku, il-Kċina ta’ Marta, u soup kitchens u foodbanks oħra f’Malta.

Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, qal li matul is-sena, madwar 1,300 familja jiġu megħjuna mill-parroċċi f’Malta permezz tal-ħidma tad-djakonija. “Il-Kċina ta’ Marta kompliet issaħħaħ dan is-servizz għax issa l-Knisja tista’ tipprovdi ikel nutrittiv u b’dinjità anke lil min ma jistax joħroġ minn daru. Barra minn hekk permezz ta’ dan is-servizz ħafna aktar membri tal-komunitajiet tagħna qed
jagħtu sehemhom biex tassew ħadd ma jibqa’ lura fis-soċjetà. Parroċċa tissaħħaħ aktar meta l-membri jieħdu sehem attiv fil-ħidma tagħha, b’mod speċjali ma’ min hu fil-bżonn.”

L-ikliet b’xejn li jitqassmu mil-Love Kitchen tal-Millienium Chapel u mill-Parroċċa tal-Qawra, huma wkoll msajra u ppreparati mill-Kċina ta’ Marta. Il-voluntiera tal-Kċina ta’ Marta se jkunu qed jipprovdu wkoll l-ikel ta’ soup kitchen oħra tal-Knisja, li fil-ġimgħat li ġejjin se tibda toffri s-servizz tagħha filgħaxija f’Ħal Balzan.

Donazzjonijiet b’risq il-Kċina ta’ Marta jistgħu jsiru fuq loop.mt. Min jixtieq ikun voluntier jew benefattur iżur il-website ta’ LOOP jew iċempel fuq 25906309 jew 79822886.