Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jressaq mozzjoni biex jitwaqqaf Kumitat Permanenti għall-Ġustizzja

Permezz tal-Kelliem għall-Ġustizzja tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar, il-Ħamis il-Partit Nazzjonalista ppreżenta mozzjoni sabiex jitwaqqaf Kumitat Permanenti għall-Ġustizzja, liema kumitat jagħmel skrutinju kontinwu tas-sistema tal-ġustizzja f’Malta.  

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-bini tal-parlament, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina  fakkar kif fl-aħħar snin is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna marret għall-agħar tant li  l-Prim Imħallef stess ix-xahar li għadda rrefera għal emerġenza fil-qasam ġudizzjarju li teħtieġ tiġi indirizzata b’urġenza.

Dan filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u tal-Maġistrati wkoll tkellmet dwar il-bżonn ta’ iktar riżorsi għaliex fl-aħħar snin il-problema baqgħet sejra lura.

Karol Aquilina fakkar kif f’Lulju tas-sena li għaddiet id-deputati Nazzjonalisti David Agius u Robert Cutajar ippreżentaw ittra lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne sabiex jitwaqqaf kumitat parlamentari għall-ġusitzzja… liema talba għadha ma ntlaqitx. Malta tibqa’ wieħed mill ftit pajjizi li m’għandhiex kumitat parlamentari għalll-ġustizzja.   

Il-funzjonijiet ta’ dan il-kumitat jinkludu fost l-oħrajn huma li jitlobu lil persuni sabiex jidhru quddiemu sabiex jagħtu rendikont tal-ħidma u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-ġustizzja.  Dan filwaqt li jiddiskuti u janalizza l-impatt tad-deċiżjonijet tal-gvern u tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u jagħmel  analiżi ta’ rakkomandazzjonijiet dwar is-sentenzi li jkunu tqiegħdu fuq il-mejda tal-kamra.

Dan il-kumitat ikun magħmul minn mhux iktar minn seba’ membri li jintgħażlu b’mod li jkunu ġustament jirrappreżentaw lill-parlament b’mod ġenerali u proporzjonat skont l-għadd ta’ membri tal-gvern u tal-Oppożizzjoni. Dan filwaqt li l-president ikun nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni minn fost il-membri min-naħa tal-Oppożizzjoni.

Min-naħa tiegħu l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar wassal messaġġ ċar li l-Oppożizzjoni trid li l-parlament ikun iktar b’saħħtu. Min-naħa tal-gvern għad ma kien hemm l-ebda tweġiba dwar it-twaqqif ta’ dan il-kumitat, li għandu jara wkoll li r-rapporti tal-Ombusmdan għandhom jiġu rispettati.

Hu qal li dan l-aħħar qed tidħol l-użanza skorretta li l-ministri ma jirrispondux id-domandi parlamenti li bi dritt ikunu ressaq membri tal-Oppożizzjoni.