Fil-jum Dinji ddedikat għall-Ippjanar, aktar minn qatt qabel, Malta u Għawdex jeħtieġu li l-ispazji jkunu utilizzati b’bilanċ bejn is-setturi varji: l-għanijiet ambjentali, ekonomiċi, kulturali u soċjali. Setturi li lkoll għandhom impatt fit-tul li jiddeterminaw ir-riżultati ekonomiċi u ambjentali tal-futur, kif ukoll fuq il-kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna, illum u għada.
Kien dan li ntqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-PN għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit fejn tkompli li Spatial Planners imħarrġa sew u kkwalifikati fl-Awtorità tal-Ippjanar kienu s-sinsla tal-Awtorità u l-promuturi ewlenin f’evoluzzjoni tal-ippjanar tal-iżvilupp.
L-istqarrija tgħid li hu ovvju li din l-evoluzzjoni fl-ippjanar tal-iżvilupp twaqqfet għal kollox fl-aħħar għaxar snin. L-attitudni li tiffriża u t-tkaxkir tas-saqajn fir-reviżjoni u fit-tibdil tal-ippjanar u l-policies, tagħti l-impressjoni li dawn ma jistgħux jinbidlu. In-nuqqas serju ta’ ‘forward planners’ fl-Awtorità tal-Ippjanar qed tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni minħabba d-dewmien żejjed fir-reviżjoni tant meħtieġa, kemm fl-iSPED, kif ukoll f’policies oħrajn, fosthom fil-pjanijiet lokali ta’ 17-il sena ilu.
Il-PN qal li d-demografija, l-ambjent, l-ekonomija u l-ħajja soċjali nbidlu drastikament minn mindu saru l-pjanijiet lokali. Minflok ma rreveda dawn il-pjanijiet b’mod ħolistiku, il-Gvern għażel li jagħmel bidliet bil-biċċiet, li ma jikkonsidrawx b’mod sħiħ l-impatt li dawn it-tibdiliet ikollhom fuq il-kwalità tal-ħajja.
In-nuqqas ta’ proċess ħaj tal-ippjanar iwassal għal pjanar bil-biċċiet, fejn il-policy tkun injorata u d-deċiżjoniiet jittieħdu abbażi tal-preċidenti u aspettativi individwali.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-planners għandhom l-għarfien u l-ħiliet multi-dixxiplinarji meħtieġa biex ikunu rikonoxxuti bħala professjonisti. Is-sistema tal-ippjanar għandha bżonn l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza li l-planners huma mħarġa fihom. Il-professjoni tal-planners għanda tkun rikonoxxuta anke għax il-planners għandhom iservu l-interessi wiesgħa tal-komunità u mhux dawk tal-partikolar.
L-istqarrija tkompli li żvilupp sostenibbli ma jsirx waħdu iżda jiddependi minn ippjanar innovativ u bis-sens tal-ispazji u l-ambjenti fl-ibliet u l-irħula tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ proċess kontinwu u parteċipattiv li jagħti s-saħħa lil dawk kollha interessati u kkonċernati, inkluż tal-planners professjonali u li l-Awtorità tal-Ippjanar iċċaqlaq il-fokus tagħha mill-kontroll tal-iżvilupp għall-ippjanar tal-iżvilupp. Filwaqt li jirringrazzja lill-planners u lil dawk kollha li jikkontribwixxu fl-ippjanar tal-iżvilupp kollha għax-xogħol siewi tagħhom, anke jekk kultant dan ma jkunx apprezzat u rikonoxxut, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu biex din il-professjoni tkun rikonoxxuta u integrata b’mod sħiħ fil-proċess tal-ippjanar.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex f’pajjiżna l-ippjanar jerġa’ jingħata l-ħajja bl-għajnuna tal-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji moderni oħrajn, imwieżna bir-riċerka u idejat innovattivi li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna.
//= $special ?>

