Internazzjonali

Il-Portugall: Stennija għal riżenji tal-Ministri b’konnessjoni mal-iskandlu fis-settur tal-enerġija

L-osservaturi politiċi fil-Portugall mhumiex jeskludu r-riżenji ta’ aktar Ministri fost wieħed mill-akbar skandli ta’ korruzzjoni f’dan il-pajjiż għal għexieren ta’ snin.

Is-sitwazzjoni kapaċi tfisser tmiem ħesrem għall-Gvern immexxi mill-Partit Soċjalista wara li rriżenjaw diġà l-Prim Ministru (u Kap Soċjalista) Antonio Costa u b’Joao Galamba,  l-eks Ministru inkarigat mill-Infrastruttura, jissemma bħala suspett ewlieni fl-investigazzjoni li għaddejja bħalissa.

L-investigazzjoni qed titratta allegazzjonijiet ta’ tixħim u xiri ta’ influwenza biex ċerti entitajiet jibbenefikaw mill-kuntratti fis-settur tal-enerġija u li jirrigwardaw proġetti għall-produzzjoni tal-lithium u l-hydrogen. Persuna oħra ta’ interess fl-inkjesta dwar il-korruzzjoni hu l-Ministru għall-Ambjent Portugiż, Duarte Cordeiro.

L-eks Prim Ministru Costa qed ikun suġġett għal investigazzjoni separata waqt li l-Oppożizzjoni Portugiża qed tinsisti biex il-Gvern Soċjalista jwarrab b’effett immedjat u bħala pass li jwitti t-triq għal elezzjoni ġenerali bikrija fil-Portugall.

L-awtoritajiet Portugiżi qed jieħdu l-każ bl-akbar serjetà u fejn qed jikkonċentraw fuq ‘indikazzjonijiet ta’ korruzzjoni fost l-uffiċjali eletti mill-poplu’.

Min-naħa tiegħu l-eks Prim Ministru Costa qed jgħid li ‘jemmen fis-sistema għall-ġustizzja’, bil-prosekuturi qed jindagaw dwar ‘l-użu ta’ isem il-Prim Ministru’ waqt l-attivitajiet li jinsabu taħt investigazzjoni.