Ewropa Lokali

Il-President George Vella jappella għall-paċi fil-Lvant Nofsani

Waqt diskors li għamel il-President ta’ Malta, George Vella lill-istudenti tal-Kulleġġ tal-Ewropa u lill-parteċipanti tal-Akkademja Diplomatika tal-Unjoni Ewropea fi Bruges, il-Belġju huwa enfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-isforzi ta’ medjazzjoni jridu jsiru prijorità kollettiva filwaqt li saħaq li l-paċi fil-Mediterran twasal għall-istabbiltà globali.

Il-President Vella qal li fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani, il-baħar Mediterran bħalissa huwa l-ġibjun tal-insigurtà.

Huwa qal li hekk kif il-komunità internazzjonali qiegħda tissielet għal soluzzjonijiet, il-konsegwenzi umanitarji ta’ gwerra u kunflitt insensati qegħdin dejjem jiżdiedu. Il-President Vella aċċenna li t-tbatija fiżika u psikoloġika u ċ-ċaqliq li dawn it-theddidiet qed ikomplu jikkawżaw impatt negattiv fuq persuni innoċenti, b’effett fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

Huwa appella lill-istudenti preżenti sabiex ibiddlu n-narrattiva filwaqt li ma jibżgħux jitkellmu dwar il-paċi, anke meta dan ifisser li jmorru kontra l-kurrent.

Għal din iż-żjara l-President George Vella kien akkumpanjat mis-Sinjura Miriam Vella.