Lokali

Konferma li mhux ħa tintrefa’ resposabbiltà politika dwar ir-racket tal-liċenzji tal-karozzi

Wara l-istħarriġ li ħareġ illum li wera li 71% tal-votanti ma jaqblux mal-mod kif Robert Abela mexa dwar ir-racket tal-liċenzji tal-karozza, mistoqsijiet li saru lill-membri fi ħdan il-kabinett Laburista ta’ Abela urew biċ-ċar li l-Gvern Laburista se jibqa’ jaħrab milli jindirizza din is-sitwazzjoni.

Net News staqsa lil Ministru Clifton Grima dwar jaqbilx mal-mod kif mexa l-mexxej tiegħu, Robert Abela, bil-Ministru jaħrab milli jwieġeb billi jgħidilna li ma jistax jikkumenta dwar dan għax ma jaf xejn dwar dan l-istħarriġ, hekk kif ser iħalli f’idejn il-Pulizija biex tagħmel l-investigazzjonijiet

Bil-Ministru, fl-istess nifs spiċċa jfarfar minn kull responsabbiltà u kkonferma li mhi se tittieħed l-ebda azzjoni minn naħa ta’ Abela sabiex tintrefa’ responsabbiltà politika.

Iżda minkejja li issa għaddew ix-xhur mindu ħarġet fil-beraħ li hemm esponenti fi ħdan il-Partit Laburista u saħansitra Ministri u uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għal Għawdex li ssemmew li talbu għal pjaċiri, il-Kummisarju Angelo Gafà jibqa’ jonqos milli jagħmel dmirijietu.