Lokali Qorti

Konfermat it-tmien pleġġ għal Terrence Cini u issa jingħata d-disgħa

Negozjant tad-droga, li nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Novembru kien akkużat li pprova jxaħħam xhud biex jagħti xhieda falza, u ngħata l-libertà proviżorja għat-tmien darba wara li ġie akkużat b’pussess ta’ kokaina, kellu din id-deċiżjoni kkonfermata l-Erbgħa, meta l-appell tal-AĠ biex jiġi arrestata ma ntlaqax mill-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima.

Sadaniittant – l-Ħamis -Terence Cini ta’ 38 sena minn Ħal Qormi ngħata l-libertà proviżorja għad-disgħa darba mill-Maġistrat Astrid May Grima b’rabta ma’ każ ieħor fejn qed jiġi akkużat illi offra €47,000 lil persuna sabiex jixhed falz.

Terence Cini, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Wara diversi talbiet għal libertà milqugħa minn diversi Qrati nhar il-Ġimgħa Cini kien tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, akkużat li kiser xejn inqas minn seba’ settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja, pussess ta’ kokaina u riċediv. Il-Maġistrat Bartolo għaldaqstant ħareġ it-tmien sett ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja lil Cini, li ġew kkonfermati mill-Qorti tal-Appell.

Cini kien taħt arrest preventiv, wara li ġie mixli fuq każ ieħor – dik li bagħat lill-avukat Matthew Xuereb biex joffri tixħima ta’ €47,000 lil xhud fi proċeduri kriminali separati kontrih. Meta l-Ħamis, bdew jinstemgħu l-provi fil-każ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, Cini, assistit mill-avukati Franco Debono, Alfred Abela u Rene Darmanin, Cini ngħata d-disgħa pleġġ mill-Qorti.

Fil-Qorti xehdu l-Ispetturi Mark Mercieca u John Lee Howard li qalu li saru tliet telefonati u li dawn ġew rekordjati. Huma kkonfermaw li x-xhud inkwistjoni huwa Michael John Mugliette li fl-2020 kien semma lil Cini bħala persuna li kienet involuta fi traffikar tad-droga.

Qalu li l-Pulizija rċeviet informazzjoni illi Cini u Mugliette tkellmu fuq it-telefon waqt li Mugliette kien il-ħabs għal reat marbut max-xhieda tiegħu fl-2020. Waqt li dan kien il-ħabs irċieva telefonata mingħand Cini li fiha ntqal kif Cini se jħallaslu miżati tal-Qorti li kellu pendenti biex Mugliette ma jixhidx kontrih.

Fil-Qorti ntqal kif l-avukat ta’ Cini dak iż-żmien, Matthew Xuereb, żar lil Mugliette fil-ħabs f’mument fejn Mugliette ma kellu ebda każ pendenti u għalhekk ma kienx hemm bżonn is-servizzi ta’ avukat.

tressaq quddiem il-maġistrat Noel Bartolo il-Ġimgħa, mill-Ispetturi tal-Pulizija Wayne Bonello u James Mallia. Meta l-prosekuzzjoni investigat għaliex Dr Xuereb żar lil Mugliette ntqal kif Cini kien qal lil Mugliette li kien ħallas lil Dr Xuereb biex imur jarah.

Mugliette xehed ukoll fil-Qorti fejn qal li hu kien għadda r-riferta lill-Avukat Matthew Xuereb. Id-disgħa pleġġ ingħata lil Cini fuq kundizzjonijiet simili li ngħata f’kawżiu preċedenti, li jinkludu li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi u li jagġmel tajjeb għal ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 10,000 ewro u garanzija personali ta’ 20,000 ewro. Dan fid-dawl tal-punti li qajjmet id-difiża li x-xhieda ewlenin issa kienu taw id-depożizzjoni tagħhom fil-Qorti.

Fuq it-tmien pleġġ konfemrat mill-Imħallef Grima – l-Ispettur Bonello spjega li fit-8 ta’ Ottubru fl-għassa ta’ Ħal Qormi kien instab pakkett suspettuż li aktar tard instab li kien fih 4.95g kokaina. Filmati tas-CCTV wrew li l-qartas kien waqa’ minn wieħed mill-bwiet ta’ Cini, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Fuq l-għoti tat-tmien pleġġ l-avukati argumentaw li l-ammont ta’ droga allegatament fil-pussess tiegħu kien perikoluż qrib iż-żewġ grammi, li issa m’għadhiex reat kriminali. Id-difiża rabtet dan mal-oġġezzjoni tagħhom għall-ħatra ta’ espert li juża l-laboratorju mhux akkreditat tal-Università ta’ Malta biex jagħmel testijiet fuq drogi suspettati.

“Huwa inaċċettabbli li fl-2023… l-Istat Malti m’għandux laboratorju li jkun akkreditat,” kien sostna Dr. Franco Debono, filwaqt li żied li l-ammonti żgħar involuti f’dan il-każ kabbar il-problema, għax anke ineżattezza żgħira jista’ jkollha ramifikazzjonijiet legali kbar.

L-Avukat Debono stieden ukoll lill-Qorti biex tqis li l-akkużi jittrattaw avveniment li kien seħħ fis-7 ta’ Ottubru, kważi xahar qabel, u li minn dak iż-żmien kienet saret inkjesta maġisterjali u kienet ippreservat il-provi.

Il_Qorti laqgħet l-argumenti tad-difiża fit-totalità tagħhom, u b’mod notevoli, għal darb’oħra tat il-libertà proviżorja ta’ Cini – it-tmien wieħed tiegħu ta’ kundizzjonijiet tal-pleġġ, u ordnatlu jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa u josserva curfew. Il-libertà proviżorja fit-tmien stadju kienet garantita b’depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €4,000.