Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ sitt snin ħabs wara li darab lil Yana Mintoff u lil binha

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri – l-Ħamis ma laqgħetx l-appell tar-Rumen, Gheorghe Popa li f’Diċembru tal-2017 instab ħati li sena qabel darab ħafif lil Yana Mintoff Bland (ritratt), it-tifla tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff u lil binha Daniel b’daqqiet ta’ sikkina f’Ħal Tarxien.

Gheorghe Popa kien intbagħat sitt snin ħabs talli weġġa’ lill-eks sieħba tiegħu Yana Mintoff Bland b’sikkina fir-residenza tagħha f’Ħal Tarxien f’Ottubru tal-2016. Ir-Rumena ta’ 406 sena kien instab ħati wkoll li weġġa’ lil binha.

Is-Sinjura Mintoff Bland u Popa kienu argumentaw meta rreżista t-tentattivi tagħha biex twaqqaf ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Wara li attakka lil Mintoff Bland u lil binha, Popa kien weġġa’ lilu nnifsu wkoll. F’sentenza ta’ 70 paġna, konfermata mill-Qorti tal-Appell, il-Maġistrat Joe Mifsud ordna lil Popa iħallas €12,600 fi spejjeż tal-qorti u wissieh biex ma javviċinax lis-Sinjura Mintoff Bland.

Il-każ kien seħħ fl-24 t’Ottubru filgħaxija. Popa, li kien f’relazzjoni mal-vittma kien instab ħati wkoll li dakinhar ta n-nar lil darha. Mix-xhieda u l-provi kien irriżulta li Popa beda jissuspetta li Mintoff kellha relazzjoni ma’ ħaddieħor. Huwa kien jheddida li jekk isibha ma’ xi ħadd ieħor kien se joqtolhom it-tnejn.

Skont Mintoff, l-aggressjoni seħħet wara li hija poġġiet l-affarijiet ta’ Popa f’bagalja biex jitlaq minn darha u jmur f’lukanda. Meta sema’ dan id-diskors Popa mar fil-kċina u ġab sikkina u ta daqqa biha f’sidirha u xejjer daqqtejn oħra lil binha.

Ir-Rumen appella għax skont hu kien hemm nuqqas ta’ provi fil-każ, fosthom, dwar l-intenzjoni tiegħu li jweġġa’ gravi liż-żewġ vittmi, l-feriti li kellu fuqu, fejn tenna li mhux minnu dak li qalet l-Ewwel Qorti, li l-feriti għamilhom hu stess, u l-ħruq tad-dar, li skont hu ma saritx minnu.

Il-Qorti tal-Appell, qalet iżda, li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati kienet fil-parametri tal-liġi. Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Neville Camilleri nnota, li Mintoff ġiet feruta qrib qalbha. Irrimarka wkoll, li mix-xhieda, fosthom dik li ngħatat mis-Supretendent Keith Arnaud, ħareġ li l-feriti li kellu fuqu Popa saru minnu stess billi meta nstab, kien qed iqattar id-demm mis-siġra u li dan beda jżid mal-ħin.

Il-vittmi kienu ħarbu mid-dar, filwaqt li Popa kien instab mill-forzi tal-ordni u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili jistaħba f’siġra tal-prinjol. Dan, fil-ħin li d-dar ta’ Mintoff kienet qed taqbad. L-Ispettur Spiridione Zammit mexxa l-prosekuzzjoni, l-Avukat Benjamin Valenzia deher għar-Rumen filwaqt li l-Avukat Joseph Giglio bħala parte civile għan-nom tal-vittma.