Budget 2024 Lokali

L-ebda soluzjoni għall-problema tal-iskart

L-membri tal-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqgħu ma joffru l-ebda soluzzjoni għall-problema enormi tal-iskart, wara li fil-budget ma semmiet l-ebda miżura dwar kif ħa tissolva din il-problema f’pajjiżna… problema li dejjem sejra għall-agħar hekk kif l-istrateġija ta’ kif jinġabar l-iskart m’għadix iktar tiffunzjona biż-żieda alarmanti fil-popolazzjoni.

Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari, Keith Azzopardi Tanti jekk tal-Labour għandhomx xi soluzzjoni għal dan. Madanakollu, bit-tweġiba tiegħu uriena biċ-ċar li l-Gvern Laburista m’għandu l-ebda soluzzjoni ta’ kif nistgħu insolvu din il-problema, hekk kif sempliċiment qalilna li din ma taqax taħt id-dekasteru tiegħu.

Huwa kkonfermalna wkoll li ma qed issir l-ebda riċerka jew studju għal strateġija ġdida sabiex ma nibqgħux bl-iskart jintenn f’kull triq ta’ kull lokalità u ġrieden jiġru ma kullimkien.

Għaldaqstant, l-unika soluzzjoni taħt Gvern Laburista jibqa’ l-appell tal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv… biex in-nies jiffriżaw il-borża tal-iskart organiku għal jiem sħaħ.

Minn naħa tal-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar xhur kien ippropona diversi soluzzjonijiet kontra l-ħmieġ u t-telqa f’lokaltajiet Maltin. Dawn il-proposti jinkludu li:  

  1. Tiżdied il-frekwenza tal-ġbir tal-iskart;
  2. Tinħoloq sistema ta’ koordinazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u l-Amministraturi tal-blokok ta’ appartamenti;
  3. Jiġu iddentifikati hot spots fejn isiru reati ambjentali u jiżdied l-infurzar, u;
  4. Il-Kunsilli Lokali jerġgħu jingħataw ir-responsabbiltà tal-ġbir tal-iskart u jingħataw ir-riżorsi, inkluż dawk finanzjarji sabiex itejbu u jinfurzaw is-sistema.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jenfasizza sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela, jneħħi s-suppervja, jisma’ l-karba tan-nies u minnufih jimplimenta dawn il-proposti minflok jibqa’ jiffoka fuq il-ħafna kliem fieragħ li ma jwassal għalxejn.