Lokali Qorti

Mhux ħatja li kkaġunat il-mewt ta’ sewwieq ta’ mutur f’inċident fit-Telgħa ta’ Selmun

Ligita Imbrasiene ta’ 53 sena mill-Liwanja ma nstabitx ħatja li meta kienet qed issuq fit-Telgħa ta’ Selmun fix-Xemxija b’negliġenza ikkawżat il-mewt ta’ Mark Camilleri ta’ 46 sena mill-Mellieħa. L-inċident kien seħħ fl-1 ta’ Frar, 2020 għall-ħabta tat-3pm meta l-vittma li kien qed isuq mutur KTM 1190RC8 miet mad-daqqa.

Mill-provi ħareġ li ll-vittma kien qed isuq b’ veloċita ta’ 195km s-siegħa u kien għadu kemm qabeż xarabank bi traskuraġni. Huwa kien bilwieqfa waqt li kien qed isuq b’idu l-leminija ‘l fuq u ma setax juża ż-żewġ brejkijiet fuq il-mutur tiegħu.

Il-mara, residenti San Pawl il-Baħar kienet qed issuq Toyota Passo. Fl-eżaminazzjoni tal-provi mressqa mill-prosekuzzjoni, il-Qorti preseduta mill-Maġistrati Nadine Lia qalet li mhix konvinta li l-mewt tas-sewwieq tal-mutur saret minħabba l-fatt li s-sewwieqa mara ma żammitx ħarsita fit-triq b’mod xieraq.

Il-mara qalet is-sentenza tal-Qorti ma setgħet bl-ebda mod tkun taf li s-sewwieq tal-mutur kien se jaqbeż il-karozza tal-linja fi speed daqstant eċċessiv jew li ma kienx se jkollu kontroll sħiħ tal-mutur.

Il-Qorti qalet ukoll li m’għandha l-ebda raġuni partikolari biex temmen li s-sewwieqa tal-karozza ma żammitx ħarsitha sewwa minħabba ċ-ċirkostanzi tal-inċident u li ma ċċekkjatx iż-żona jew ħarset fuq iż-żewġ naħat qabel ma toħroġ milli Stop Sign.

F’dawn iċ-ċirkostanzi huwa raġonevoli li wieħed jifhem li Imbrasiene ma kellhiex il-ħin jew riflessi biex tbiddel il-kors tad-direzzjoni tagħha jekk is-sewwieq tal- mutur kien qed qed isuq b’veloċità eċċessiva lejha wara li qabeż xarabank li kienet miexja bil-mod, u li biha l-vittma ma setax ikun innutat.

Il-Qorti lanqas sabet lil mara ħatja li kienet qed issuq bla liċenzja u b’mod imprudenti, negliġenti jew perikoluż. Ligita Imbrasiene volontarjament kienet għażlet li tixhed waqt il-proċeduri tagħha.

Spjegat li ilha tgħix u taħdem Malta mill-2018 u li fl-1 ta’ Frar 2020. Dak inhar kienet fil-kumpanija ta’ Ralph Christie wara li marret tiekol fil-Bajja tal-Mistra. Minn hemm saqet il-barra mill-Mistra fejn din kienet l-ewwel darba għaliha li żaret il-Bajja tal-Mistra.

Biex toħroġ mill-Mistra, użat triq li hi ddeskriviet bħala “angolata” u “dejqa”, waqfet kif kien hemm traffiku li ġej iżda kellha ssuq pulzier ‘il quddiem sabiex jkollha perspettiva aħjar. Meta qieset li kien sikur li tagħmel dan, ħarġet dritt – lejn id-direzzjoni tax-Xemxija.

Spjegat li kien prattikament impossibbli li ddur fuq ix-xellug mingħajr ma taqsam fuq iż-żewġ korsiji minħabba li hemm junction. Hekk kif kienet qed toħroġ, resaq lejha mutur “ħafna veloċi” u f’daqqa waħda seħħ impatt man-naħa tal-lemin tal-karozza tagħha. Imbagħad indunat li l-mutur kien baqa’ miexi ‘l quddiem mingħajr is-sewwieq tiegħu u li l-impatt mal-karozza tagħha kien fil-fatt ikkawżat mill-ġisem tas-sewwieq.

Il-mara ppreżentat sensiela ta’ ritratti tax-xena tal-inċident li kienet ħadet hi stess xi jiem wara. Fil-kontro-eżami, hi spjegat li għalkemm il-korsiji fit-triq inkwistjoni huma separati b’linja bajda kontinwa, dawn ma kienux viżibbli mill-punt tal-ħruġ tagħha.

Hi kienet reġgħet xehdet fejn ppreżentat sensiela ta’ ritratti meħuda wkoll minnha stess fit-3 ta’ Diċembru 2022 li jindikaw ċerti bidliet fl-infrastruttura tat-toroq li ġew implimentati wara l-aċċident. Dr Mario Scerri xehed waqt is-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2020 u esebixxa ir-rapport tiegħu. Mir-Jirriżulta li skont awtopsja Camilleri miet mal-impatt meta l-mutur tiegħu waqa’ għal fuqu mal-ħabta mal- karozza.

Il-Qorti qalet li wara li semgħet il-provi kollha tal-każ – issib lil Ligita Imbrasiene mhux ħatja tal- akkużi miġjuba kontriha. Għall-akkużata deheru l-Avukati Jason Azzopardi u Chris Busietta. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Paula Ciantar.