Lokali

“Pajjiżna jrid jerġa’ jkun pajjiż li kulħadd ikun kburi bih” – Bernard Grech

Pajjiżna jrid jerġa’ jkun pajjiż li fih kulħadd ikun kburi bih, fejn kulħadd ikun jista’ jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħamis indirizza attività soċjali li saret fid-Dar Ċentrali.

Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun partit magħqud fejn il-ħidma se tkompli tkun iktar effettiva, fosthom sabiex il-flus li nsterqu mid-deal tat-tliet sptarijiet jingħataw lura lill-poplu Malti.

Insista li l-pajjiż jeħtieġlu tmexxija serja u onesta u għaldaqstant il-familji Maltin u Għawdxin ħaqqhom bidla fejn din il-bidla jista’ joffriha biss Partit Nazzjonalista permezz ta’ viżjoni  ekonomika ta’ eċċellenza.

Fakkar kif fl-10 ta’ Diċembru l-PN se jorganizza maratona ġbir ta’ fondi u għalhekk ħeġġeġ biex kulħadd jagħti l-kontribut tiegħu sabiex tissaħaħ il-media tal-Partit Nazzjonalsita u l-messaġġ tiegħu jkun jista’ jasal għand kulħadd.

Kien hawn fejn il-Kap tal-PN faħħar u rringrazzja lil bosta voluntiera li ġimgħa wara oħra jagħtu sehemhom għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.

Preżenti flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm id-Deputat Ian Vassallo u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norma Camilleri.