Internazzjonali

Spanja: Rabja kbira dwar il-ftehim milħuq bejn is-Soċjalisti u s-separatisti Katalani

L-Aġent Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sanchez, għadu kemm laħaq ftehim kontroversjali ma’ Partit tas-separatisti ta’ Katalonja u li permezz tiegħu, il-Partit Spanjol Soċjalista jinsab eqreb li jiggverna lill-pajjiż għall-erba’ snin li jmiss.

Sánchez, qabel, kien daħal fi ftehim mal-Partit Repubblikan Katalan tax-Xellug li jinsab fil-poter fir-reġjun lejn il-grigal ta’ Spanja. U issa – fi żvilupp jerġa’ aktar sinifikanti – is-Soċjalisti daħlu fi ftehim ieħor mal-Partit radikali bl-isem ‘Flimkien għal Katalonja’ …Partit li hu mmexxi minn  Carles Puigdemont. il-kap separatista li snin ilu kien ħarab lejn il-Belġju biex jevita l-ħabs fi Spanja

L-istess Puigdemont, fl-2017, kien mexxa l-kampanja għall-indipendenza għal Katalonja waqt xhur sħaħ ta’ tensjoni u diżgwid mal-Gvern f’Madrid.

L-aħħar żviluppi qanqlu rabja kbira fost sezzjonijet tal-poplu Spanjol– bid-dimostranti, fosthom attivisti tal-lemin, joħorġu jipprotestaw f’Madrid u bliet oħrajn tal-pajjiż. L-akbar protesti huma dwar l-abbozz ta’ liġi li jagħti amnestija lill-mijiet  tal-politiċi u attivisti Katalani li kienu involuti ‘b’mod dirett jew indirett’ fl-avvenimenti relatati mal-impenn fallut biex il-Katalonja tissepara mill-kumplament ta’ Spanja.

Il-Partit Soċjalista spiċċa t-tieni fl-elezzjonijiet ġenerali ta’ Lulju fi Spanja, iżda l-Partit Popolari Konservattiv, li kiseb l-aktar voti, ma rnexxilux jifforma Gvern jew koalizzjoni ta’maġġoranza.

Sadanittant, qed jidher, issa, li kważi rnexxa l-pjan ta’ Sanchez biex jikseb lura l-poter permezz tal-wiegħda għal amnestija lis-separtisti Katalamni.

Fl-aħħar sigħat, is-Sindku ta’ Madrid, Isabel Diaz Ayuso, ikkundannat lis-Soċjalisti Spanjoli ‘talli biegħu pajjiż bi storja ta’ sekli’ biex ipaxxu lill-moviment għall-indipendenza tal-Katalan. Hi kompliet li l-ftehim fih innifsu jikkostitwixxi attakk fuq l-amministrazzjoni tal-liġi fuq bażi nazzjonali.

Fi żvilupp ieħor xokkanti, Alejo-Vidal Quadras, eks Kap Katalan tal-Partit Popolari u fundatur tal-Partit estremista tal-lemin Vox, spiċċa jaqla’ tir ta’ pistola f’wiċċu fi triq ta’ Madrid u meta l-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.

Il-politiku ta’ 78 sena, qabel, kien sostna li l-patt ta’ Sanchez mas-separatisti kien wieħed ‘infami’ u li  ‘għandu jibdel Spanja fi Stat totalitarjan karatterizzat mit-tirannija’.