Lokali

STĦARRIĠ: 71% ma jaqblux kif Robert Abela mexa dwar ir-racket tat-testijiet tal-karozza

Kważi tliet kwarti tal-votanti ma jaqblux kif Robert Abela mexa dwar ir-racket tat-testijiet tal-karozzi.

Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-kumpanija Esprimi u li ġie ppublikat fil-gazzetta tat-Times of Malta fejn ġew mistoqsija 600 persuna dwar l-iskandlu li ħareġ fil-beraħ fl-aħħar xhur. Fl-istess xhur li rajna kif Abela u l-membri Laburista baqgħu u għadhom jiddefendu li dawk involuti f’dan l-iskandlu.

Chats ta’ WhatsApp li kienu ġew żvelati juru kif il-Ministru Ian Borg u numru ta’ uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għal Għawdex għaddew ismijiet lil direttur f’Transport Malta, Clint Mansueto bil-għan li dawn jgħaddu mit-test tal-karozza mingħajr wisq diffikultà u fl-istess ħin jinxtara l-vot tagħhom.

Mansueto, Philip Edrick Zammit u Raul Antonio Pace, li lkoll huma uffiċjali ta’ Transport Malta, qed jaffaċċjaw akkużi ta’ korruzzjoni u ta’ influwenza. Iżda s’issa, l-ebda uffiċjal li għamel il-pressjoni fuq Mansueto mhu qed jaffaċċja proċeduri kriminali.

Fl-istħarriġ li sar, dawk li wieġbu ġew mistoqsija dwar il-frażi li kien qal Robert Abela matul konferenza tal-aħbarijiet meta kien qal li “dan huwa l-mod kif is-sistema politika taħdem.” Frażi li b’mod ċar uriet kif Abela ma jara xejn ħażin li diversi persuni kellmu lil persuni qrib il-Gvern Laburista jew saħansitra lil Ministri biex jgħaddu faċilment mit-test tal-karozza.

Total ta’ 71% ta’ dawk li wieġbu dan l-istħarriġ qalu li ma jaqblux il-mod kif seħħew l-affarijiet minn naħa tal-Prim Ministru, filwaqt li 17% għażlu li ma jwieġbux.

Minn dawk li normalment ma jivvutawx fl-elezzjoni, 72% qalu li ma jaqblux, bi 8% tan-nies li wieġbu fost din il-kategorija qalu li jaqblu mal-mod kif ħadmu.

Diversi għaqdiet appellaw lill-awtoritajiet konċernati biex jevalwaw l-liċenzji li ħarġu b’tixħim permezz tal-iskandlu tat-testijiet tal-karozza sabiex tkun assigurata s-sigurtà fit-toroq Maltin. Dan hekk kif il-proċess għall-għoti tal-liċenzji għandu jkun wieħed tasparenti filwaqt li jkun hemm skrutinju serju.

Kemm l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina fis-Saħħa Pubblika (MAPHM), l-MEA, u anke Doctors for Road Safety, fost għaqdiet oħra, qed isejħu lill-Gvern biex jieqaf jgħatti dan l-iskandlu biex jaċevolaw lil dawk tal-qalba. U ma dawn, skont dan l-istħarriġ, jidher biċ-ċar li fil-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi qed iwassal l-istess appelli sabiex verament issir ġustizzja f’pajjiżna.