Lokali

Suspett li kien hemm tbagħbis fil-mappa ġeoloġika fiz-zona fejn mietet Miriam Pace

Il-Ġeoloġista Peter Gatt wera t-tħassib tiegħu dwar suspett li seta’ kien hemm tbgħabis f’tibdil li sar fil-mappa ta’ pajjiżna… tibdil li sar proprju fiż-żona fejn tilfet ħajjitha Miriam Pace, li kienet intradmet taħt it-terrapien ta’ darha stess fl-2020.

F’kummenti ma’ Net News Peter Gatt spjegalna kif  mappa ġeoloġika turik eżatt x’tip ta’ blat hemm fil-gżejjer Maltin… fejn tibdil li sar fl-aħħar snin f’din il-mappa qed iqajmu suspetti serji. 

“Is-sena l-oħra kien hemm aġġornament tal-mappa ġeoloġika ta’ Malta propju f’Diċembru tal-2022 u f’dan l-aġġornament inbidlet il-mappa biex turi li f’dik iz-zona fejn hemm il-mina ta’ Santa Venera m’għadux middle globigerina imma sar lower globigerina,” qal Gatt.

Peter Gat jispjega li hemm differenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ blat.

“Il-lower globigerina nużawh għall-bini tal-kostruzzjoni u għandu ċertu saħħa, filwaqt li l-middle globigerina m’għandu saħħa ta’ xejn tant li ma jintużax għall-kostruzzjoni,” qal Gatt.

It-tħassib tqajjem hekk kif ftit metri ‘l bogħod mit-tunnel ta’ Santa Venera hemm iz-zona ta’ fejn iġġarrfet id-dar ta’ Miriam Pace li kienet tilfet ħajjtiha wara li ntradmet taħt it-terrapien ta’ darha stess.

“Dan il-kambjament fil-mappa, ili huwa tbgħabis fil-verità, qed jindika li issa hemmhekk hemm blat iżjed b’saħħtu milli fil-verità kien,” qal Gatt. “Mela, il-mappi kollha li kien hemm qabel l-2022 jindikaw bħal dgħajjef f’dik iz-zona, issa f’daqqa waħda għandna tip ta’ blat ieħor indikat fl-istess zona, u din trid tiġi spjegata.” 

Il-ġeoloġista issa qed jistenna li jkun hemm xi ħadd li jispjega għala seħħ dan it-tibdil u għala sar dan it-tbagħbis.

“L-evidenza ġeoloġika hija ċara ħafna anke mill-blat li hemm fejn il-mina li hemmhekk hemm blat dgħajjef, hemm il-middle globigerina,” qal Gatt. “Il-mina tħaffret fil-fond iżjed propju biex jevita dak il-blat dgħajjef li qiegħed fil-wiċċ biex imur għal blat iżjed b’saħħtu li huwa l-lower globigerina. Kellna tbagħbis fil-mappa ġeoloġika.”

Peter Gatt jgħid li issa din se taffettwa mhux biss l-area tat-tunnel imma anke l-area li tibqa’ sejra sal-Imrieħel.  Għax issa, min se jiskava issa ħa jieħu impressjoni ħażina ta’ x’tip ta’ blat hemm. Kien hawn fejn appella lill-Gvern, speċjalment lill-Ministru responsabbli Clyde Caruana sabiex jagħti spjegazzoni ta’ dan kollu.

“Aħna bħala Kamra tal-Ġeoloġi diġa ħriġna press release fejn għedna kemm hemm żbalji fil-mappa u din mhux qed jtawgura tajjeb għal dak li jisejjaħ public safety, għas-sigurezza tan-nies, ta’ min qed jiskava imma anke tal-ġirien biswit ta’ fejn qed isisr dan l-iskavar specjalment wara li seħħew dawn l-inċidenti kollha,” qal Gatt.