Ilbieraħ intemmet ir-raba’ ġurnata tal-UEFA Champions League li fiha spikkat it-telfa ta’ Manchester United f’Copenhagen, it-tielet telfa għar-Red Devils f’dan il-grupp.
Fil-logħbiet l-oħra Inter u Real Sociedad kisbu l-kwalifikazzjoni, filwaqt li Bayern Munich u Real Madrid baqgħu b’punti massimi.
Group A
Iktar problemi għal Manchester United u l-manager tagħhom Ten Hag hekk kif ir-red Devils tilfu 4-3 f’Copenhagen f’logħba mill-iktar emozjonanti.
Kollox deher faċli għall-United li bnew vantaġġ doppju b’doppjetta tal-eks ta’ Copenhagen Hojlund. Iżda fit-42 minuta Manchester United spiċċaw b’għaxar plejers meta tkeċċa Rashford.
Copenhagen mill-ewwel approfittaw biex sal intervall kisbu d-draw b’goals ta’ Elyounoussi u penalty ta’ Goncalves.
Fid-69 minuta penalty għal Manchester United u Bruno Fernandes reġa’ poġġa lir-red Devils minn fuq.
Iżda Copenhagen kienu determinati li jiksbu s-suċċess u dawwru r-riżultat b’goals ta’ Lerager u Bardghi.
Fil-logħba l-oħra Bayern baqgħu b’punti massimi b’rebħa ta’ 2-1 fuq Galatasaray bil-goals kollha skorjati fl-aħħar għaxar minuti.
Harry Kane skorja doppjetta u Bakambu skorja goal ta’ konsolazzjoni fil-ħin miżjud.
Group B
Arsenal għamlu pass importanti lejn il-kwalifikazzjoni b’rebħa ta’ 2-0 fuq Sevilla. Għall-Gunners goal ta’ Trossard fl-ewwel taqsima u ieħor ta’ Saka fit-tieni taqsima.
Fil-logħba l-oħra rebħa mportanti għal PSV fuq Lens 1-0, bil-goal rebbieħ skorjat minn de Jong fit-12-il minuta. Lens kellhom lil Guilavogui imkeċċi fil-ħin miżjud.
Grupp C
Real Madrid kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Braga 3-0. Wara li Braga fallew penalty kien Brahim Diaz li fetaħ l-iskor għal Real. Fit-tieni taqsima Vinicius Junior u Rodrygo iżidu l-iskor għal Real.
Fil-logħba l-oħra draw ta’ 1-1 bejn Napoli u Union Berlin.
Napoli fetħu l-iskor b’goal pjuttost każwali ta’ Politano iżda Union Berlin kisbu d-draw fit-52 minuta b’goal ta’ Fofana.
Grupp D
Dan il-grupp hu deċiż għaliex bir-rebħiet tagħhom, Real Sociedad u Inter huma kwalifikati.
Inter għelbu lil Salzburg fl-Awstrija b’penalty skorjat minn Lautaro Martinez fil-85 minuta.
Real Sociedad għelbu lil Benfica 3-1. Sociedad għamlu kollox fl-ewwel taqsima fejn skorjaw tliet goals permezz ta’ Merino, Oyarzabal u Barrenetxes u fallew ukoll penalty mogħti minn Mendez.
Benfica naqqsu l-iskor permezz ta’ Rafa Silva fit-tieni taqsima
Riżultati
Grupp A
B. Munich 2-1 Galatasaray
Copenhagen 4-3 Man Utd
Grupp B
Arsenal 2-0 Sevilla
PSV 1-0 Lens
Grupp C
Real Madrid 3-0 Braga
Napoli 1-1 Un. Berlin
Grupp D
R. Sociedad 3-1 Benfica
Salzburg 0-1 Inter
//= $special ?>