Edukazzjoni Lokali

Azzjonijiet industrijali fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja; strajk ta’ ġurnata fis-27 ta’ Novembru

Il-Union tal-Għalliema, l-MUT se tkun qed tordna lill-membri tagħha li jinsabu fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja li mit-13 ta’ Novembru għandhom jibdew jobdu numru ta’ azzjonijiet industrijali, fosthom strajk ta’ ġurnata.

Dan wara li taħditiet li ilhom għaddejjin disa’ xhur, in-negozjati mal-Gvern dwar il-pakkett finanzjarju tal-ftehim settorali ġdid għall-edukaturi fallew.

Waqt il-konferenza intqal li l-Gvern wera biċ-ċar li ma kienx lest li jagħti żidiet sostanzjali lill-edukaturi, bħalma kien wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. U għalhekk issa l-edukaturi kollha qed jistennew li l-Gvern juri kemm jistma lill-edukaturi u lis-settur bil-fatti.

F’kummenti ma’ Net News, il-President tal-MUT, Marco Bonnici qal li l-attitudni tal-Gvern wasslet għal futur inċert fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna li jistgħu jwasslu għal riperkussjonijiet kbar. Fost dawn hemm il-biża’ li ħafna aktar għalliema jieqfu minn xogħolhom minħabba t-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern Laburista.

L-MUT ingħatat żewġ proposti finanzjarji mill-Gvern iżda dawn ġew irrifjutati immedjatament, għax l-MUT rat li dak li kien propost kien ser jinsulta lill-edukaturi minflok ma jirrikonoxxi l-ħidma tagħhom. Minflok ma ġie bi proposta riveduta, ftit tal-jiem ilu l-Gvern ta’ Robert Abela ħassar il-laqgħat li kien hemm skedati.

U għalhekk l-MUT aċċennat li jekk il-Gvern se jmexxi s-settur edukattiv biċ-cheap labour, l-MUT se tkun fuq quddiem nett sabiex topponi u tħares l-interessi tal-edukaturi.

Aktar tard matul il-jum l-MUT ippubblikat id-direttivi li għandhom isegwu l-għalliema fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja. Fost dawn id-direttivi hemm li ma jistgħux jagħmlu laqgħat mal-ġenituri jew parents day, li l-edukaturi m’għandhomx jippreżentaw lista ta’ attendenza tal-istudenti kif ukoll li m’għandu jkun hemm l-ebda kuntatt permezz ta’ komunikazzjoni online.

Għaldaqstant, l-azzjonijiet industrijali se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej fl-iskejjel tal-Istat kif ukoll tal-Knisja filwaqt li jinkludu strajk ta’ ġurnata li se jseħħ it-Tnejn 27 ta’ Novembru li ġej.