Lokali

“Budget bla ebda investiment fis-settur tal-arti u l-kultura”

ŻBil-Budget li ppreżenta l-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern ta’ Robert Abela wera li ma jinteressahx lanqas mis-settur tal-arti u l-kultura, mill-Gvernijiet Lokali u anke mix-Xandir Nazzjonali. Dan hekk kif fil-Budget 2024, m’hemm l-ebda investiment għall-arti u l-kultura, filwaqt li l-Gvern qed ikompli jnaqqar il-poteri tal-Kunsilli Lokali u x-Xandir Nazzjonali għadu maħtuf mill-Gvern Laburista.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra, mill-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott u mill-Kelliem għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali Graham Bencini.

Julie Zahra qalet li f’diskors ta’ 110 paġni, kien hemm biss 230 kelma ddedikati għall-arti u l-kultura. Fil-budget rajna ideat riċiklati jew affarijiet li diġà qed isiru, bil-Gvern ta’ Robert Abela nesa jindirizza verament l-isfidi tal-artisti u tas-settur kreattiv ta’ pajjiżna.

Minn naħa tiegħu, Darren Carabott qal li fil-lokalitajiet hemm diversi nuqqasijiet, fosthom fit-tindif tat-toroq u fil-ġbir tal-iskart. Hu appella li l-Kunsilli Lokali jingħataw ir-riżorsi kollha possibbli biex ir-residenti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

U Graham Bencini qal li x-Xandir Nazzjonali għandu jkun wieħed ħieles li jagħti l-informazzjoni kollha u vera lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan meta l-Gvern qed jibqa’ jaħbi l-mod kif qed jintefqu l-flus tal-poplu meta suppost il-poplu għandu jkun jaf fejn qed imorru flusu.