Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Illum tibda l-BOV Gozo Regatta

Il-BOV Gozo Regatta, weekend tradizzjonali ta’ tlielaq ta’ dgħajjes bil-qlugħ, u l-ewwel tiġrija uffiċjali, imtella’ mir-Royal Malta Yacht Club, wara r-Rolex Middle Sea Race se ssir bejn l-10 u t-12 ta’ Novembru.

Fl-azzjoni flotta ta’ 24 jott bi tluq mill-Port ta’ Marsamxett sal-Port tal-Imġarr f’Għawdex fl-ewwel ġurnata segwita minn sensiela ta’ tiġrijiet round-the-cans fil-fliegu ta’ Kemmuna.

Il-programm tat-tlielaq jintemm b’tellieqa lura minn Għawdex għal Malta. It-tmexxija se jkunu f’idejn Martin Azzopardi, li se jkollu flotta mdaqqsa x’iżomm taħt għajnejh. Il-flotta mistennija tinkludi żewġ dgħajjes li rebħu din it-tellieqa fil-passat, Elusive 2 immexxija mill-aħwa Podesta u Calypso tal-familja Ripard.

L-iskippers kellhom briefing tat-telleiqa wara seminar prattiku dwar ir-rwol tal-ħbula fuq id-dgħajjes minn Patrick Genovese li ta’ preżentazzjoni ta’ għoqod essenzjali kif ukoll tekniċi ta’ mmaniġġjar tal-ħabel, u kif jiġu applikati b’mod korrett.

Dan is-seminar jifforma parti mill-impenn tar-Royal Malta Yacht Club biex iżid l-għarfien u l-ħiliet tal-membri tiegħu. Kummenti pożittivi dwar din l-edizzjoni minn Stefan Abela mid-Dipartiment tas-CSR tal-Bank of Valletta u minn David Cremona, Commodore, tar-Royal Malta Yacht Club.