Lokali Qorti

Il-mowbajl ta’ Keith Schembri inżamm b’mod sigur fl-uffiċċju tal-esebiti u kopji ngħataw lill-avukati tiegħu

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li qed tisma’ l-każ ta’ ħasil ta’ flus ta’ Keith Schembri, l-Ġimgħa qalet li l-mowbajls tiegħu, ippreżentati bħala parti mill-evidenza fil-qorti, dejjem inżammu b’mod sigur fl-uffiċċju tal-esebiti.

Il-Maġistrat kienet qed tindirizza l-qorti wara li l-avukati ta’ Schembri nhar it-Tnejn sostnew li d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq inkiser meta l-mobile tiegħu maqbud mill-pulizija waqt investigazzjonijiet ta’ reati finanzjarji – sparixxa waqt li kien fil-pussess tal-Qorti. Kienu qalu li dan nstab xhur wara mal-esebiti ta’ każ ieħor.

Il-Maġistrat riedet tispjega b’mod ċar fuq dak kollu li nqala’ dwar din is-‘saga’ waqt seduta qasira meta l-każ tkompla il-Ġimgħa. Hi spjegat li t-tagħmir elettroniku kollu maqbud mill-pulizija taħt l-awtorizzazzjoni tal-Maġistrat inkwirenti kien ġie eżaminat mill-espert diġitali forensiku Martin Bajada.

L-espert kien lesta l-kompitu tiegħu u ppreżenta kopja sħiħa tad-dejta estratta mill-apparati, li tikkonsisti f’erba’ terabytes ta’ evidenza ppreservata f’hard drive. Dik id-data, flimkien mar-rapport tal-espert, ġiet ippreżentata fil-qorti waqt seduta f’Jannar. Kopja ngħatat ukoll lill-partijiet kollha fil-proċeduri, inkluż lil Keith Schembri.

It-tagħmir elettroniku kollu, inkluż il-mowbajls tal-eks Chief of Staff f’Kastilja fi żmien Joseph Muscat, ġie prodott fiżikament bħala evidenza fil-31 ta’ Lulju, 2023, qalet il-Maġistrat filwaqt li saħqet fuq l-użu tal-plural, u b’hekk indikat li kien hemm aktar minn mobile wieħed ta’ Schembri.

Tliet ijiem wara, fit-3 ta’ Awwissu, id-deputat reġistratur tal-Maġistrat għadda dawk l-apparati lill-uffiċjali tal-esebiti tal-qrati biex jinżammu salvagwardjati. L-esebiti kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ Keith Schembri “baqgħu fil-pussess u l-kustodja esklussiva mingħajr interruzzjoni” ta’ dak l-uffiċjal, saħqet il-Maġistrat, li żiedet li fatt bħal dan jista’ jiġi “verifikat faċilment”.

Il-kwistjoni dwar il-mowbajl ‘nieqes’ li ħarġet wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru, kienet tikkonċerna apparat ieħor, mhux relatat li kien esebit fil-kawża kontra d-diretturi ta’ Zenith Matthew Pace u Lorraine Falzon, qalet il-Maġistrat.

Nhar it-Tnejn, wara li ppreżentaw rikors – l-avukati ta’ Keith Schembri qalu li l-mobile tiegħu kien b’xi mod spiċċa f’fajl ieħor, jiġifieri r-rekords tal-kawża kriminali kontra d-diretturi ta’ Zenith Finance Matthew Pace u Lorraine Falzon.

Iżda, l-Maġistrat qalet li t-tagħmir fil-każ Zenith kien identifikat b’numru ta’ esebit differenti u kien fl-atti ta’ dawk il-proċeduri separati li kienu tressqu lill-Qorti Kriminali f’April. Hi iżda ma speċifikatx jekk dan it-tagħmir l-ieħor kienx mowbajl.

Qalet li dawk l-esebiti qatt ma ġew irritornati f’din il-qorti u dak il-fatt jista’ wkoll jiġi kkonfermat faċilment. Dejta minn dawk l-apparati kienet ġiet estratta minn espert ieħor tal-qorti li identifika dawk l-esebiti qabel ma setgħu jiġu prodotti bħala evidenza fil-każ kontra Schembri, missieru u żewġ assoċjati fin-negozju.

Dak l-espert ġie ordnat jattendi għas-seduta lu jmiss biex jixhed dwar il-fatti magħrufa u aċċertati minnu peress li kien hu li mar fil-kamra tal-esibiti biex jidentifika l-apparati li l-AĠ kien talab bħala prova fil-każ ta’ Schembri.

Meta l-Maġistrat qrat dik il-minuta twila, l-avukat difensur Mark Vassallo ddetta nota qasira fejn irrimarka li s-seduta ta’ nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru kienet issejjaħ “b’mod irregolari” mill-Qorti. Skont l-artikolu 401(3)(a) is-seduta ma setgħetx tiġi stabbilita qabel xahar wara s-sessjoni preċedenti u dak ix-xahar skada nhar is-Sibt.

“Mela s-seduta tal-lum ma setgħetx issir,” qal Dr.Vassallo, u żied li d-difiża sempliċement riedet tirreġistra dik l-osservazzjoni fl-atti tal-każ. L-Avukat Antoine Agius Bonnici, f’isem l-AĠ irribatta li s-seduti ġieli jissejħu qabel il-limitu ta’ żmien ta’ erba’ ġimgħat. Huwa l-qorti li tiddeċiedi meta taħtar smigħ u l-AĠ isegwi l-ordnijiet tal-qorti.

Il-każ se kompli nhar it-Tnejn, 20 ta’ Novembru fit-8.30am. L-avukat tal-AĠ Antoine Agius Bonnici mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo huma l-avukati difensuri ta’ Keith Schembri.