Lokali

Il-PA tinjora lil UNESCO u tapprova żvilupp ta’ blokka appartamenti 200m ‘il bogħod mill-Ġgantija

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat applikazzjoni biex tittella’ blokka ta’ 22 appartament u 20 garaxx f’zona opposta tat-tempji tal-Ġgantija.

Is-sit jinsab biss 200 metru ‘l bogħod mill-Ġgantija, li bħalissa jikkonsisti biss f’bini ta’ żewġ sulari fi Triq il-Parsott.

Din l-applikazzjoni kienet ġiet rrakkomandata għall-approvazzjoni, minkejja li s-sit, fi ħdan il-buffer zone tal-Ġgantija UNESCO World Heritage Site, diġà jinsab mifni f’kontroversja u pożizzjonijiet dubjużi min-naħa tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.

Fi Frar li għadda, l-organizzazzjoni UNESCO kienet bagħtet ittra lill-Awtorità tal-Ippjanar titlob biex issir studju dwar l-impatt li dan il-bini se jkun qed iħalli fuq il-wirt storiku tat-tempji. Madanakollu, f’vot ta’ seba’ favur u wieħed kontra dan l-iżvilupp.

Skont il-Linji Gwida Operazzjonali tal-Kumitat tal-Wirt Dinji għandu jsir assessjar taz-zona qabel żvilupp ta’ dan it-tip jiġi approvat. Liema studju ġie injorat kompletament b’riżultat li possibilment issir ħsara lil dan il-wirt kulturali.

Peress li Malta hija Stat parti mill-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji, u tibbenefika milli jkollha tliet Siti ta’ Wirt Dinjija, inklużi t-Tempji Neolitiċi, hija r-responsabbiltà tal-pajjiż li jaderixxi mal-Linji Gwida Operattivi tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li waħda minnhom hija li twettaq Valutazzjoni tal-Impatt tal-Patrimonju f’każ ta’ żviluppi fiż-żona ta’ lqugħ qabel ma jingħata permess ta’ żvilupp.