Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li f’pajjiżna jkollna edukazzjoni ta’ eċċellenza

Fi stqarrija maħruġha mill-Partit Nazzjonalista, Justin Schembri, Kelliem għall-Edukazzjoni us-Snajja u Ivan Castillo, Kelliem għas-Settur Martittimu u x-Xogħol, flimkien ma Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista qalu li l-Partit Nazzjonalista qed jesprimi d-diżappunt tiegħu lejn in-nuqqas ta’ rieda politika min-naħa tal-Gvern, li qed jikkonferma kategorikament li m’għandu l-ebda rieda jew inizjattiva politika li jtejjeb il-kundizzjonijiet u s-salarji sostanzjalment għall-edukaturi tal-Iskejjel tal-Istat u tal-Knisja.

Minkejja l-wegħdiet kontinwi tal-Gvern Laburista, illum l-edukaturi għandhom affermazzjoni ċara li Robert Abela u Clifton Grima m’humiex interessati jressqu ‘l quddiem fuq il-mejda tan-negozjati mal-Malta Union of Teachers iż-żidiet li kkommettew qabel l-elezzjoni ġenerali. Kien il-Partit Laburista, fil-Manifest Elettorali, li għamel aċċenn għall-ħtieġa li “l-pagi għandhom jogħlew meta kkumparat mal-livell tax-xogħol u r-responsabbiltà li għandhom”. Il-wegħda tkompli li l-Gvern se jara li “jkun hemm titjib sinifikanti” fil-pagi tal-edukaturi.

Għall-Partit Nazzjonalista, l-attitudni tal-Gvern lejn l-edukaturi u l-union li qed tirrappreżentahom fin-negozjati, hi ammissjoni evidenti biżżejjed li l-Labour ma jqisx il-professjoni u mhux vera jrid jiddiskuti “kwalunkwe bidla intiża biex ittejjeb is-sistema preżenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-futur tal-professjoni tagħhom” għax, wara xhur ta’ negozjati, baqa’ ma wasal għall-ebda qbil mal-MUT, li llum qed issejjaħ għal strajk nazzjonali fis-27 ta’ Novembru.

Li kieku l-Gvern jemmen verament fl-edukaturi, fit-tfal u fis-sistema edukattiva nazzjonali, kien jirrikonċilja minflok ma joħloq kriżi u ma jħalli lill-union bl-ebda għażla, ħlief li tmur għal strajk nazzjonali u numru ta’ direttivi oħrajn fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja. Issa għandna wkoll konferma oħra li l-Gvern m’għandux l-intenzjoni li jattira aktar żgħażagħ lejn il-professjoni tal-għalliema.

Il-Labour m’huwiex partit għall-ħaddiema, iżda partit li jinjora l-prijoritajiet tagħhom għax jaħseb biss fl-interessi tal-but tiegħu stess.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jtejjeb il-kundizzjonijiet u s-salarji tal-edukaturi, li jirrispetta l-professjoni u lill-union rappreżentattiva biex pajjiżna jkollu edukazzjoni ta’ eċċellenza.