Minħabba xogħlijiet li se jkunu qegħdin f’żewġ fażijiet fuq ir-ring road tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fil-jiem li ġejjin se jkun hemm biss triq waħda b’aċċess għal-ajruport mit-13 ta’ Novembru sakemm jitlestew ix-xogħlijiet.
L-ewwel fażi tal-proġett se tibda fit-13 ta’ Novembru u biex ikun jista’ jingħata bidu għall-proġett, il-mina ta’ Triq il-Karwija, li ġeneralment tintuża bħala d-daħla prinċipali għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, se tingħalaq.
Matul l-ewwel fażi ta’ dawn ix-xogħlijiet, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkun jista’ jintlaħaq biss minn Triq l-Avjazzjoni. Dawk li jkunu qegħdin isuqu mid-direzzjoni ta’ Ħal Luqa lejn l-ajruport għandhom jaqbdu l-karreġġjata ta’ barra tat-triq li twassal għal Ħal Far (kif inhu indikat fir-ritratt u l-mappa).
Ladarba jaslu fejn it-traffic lights temporanji, li se jkunu qed jintużaw matul il-proġett, is-sewwieqa għandhom jiksru fuq in-naħa tal-lemin biex jidħlu fir-ring road tal-ajruport.
Waqt l-ewwel fażi, id-daħla primarja għall-parkeġġ prinċipali tal-ajruport mhix se tkun aċċessibbli. Dan il-parkeġġ se jkun jista’ jintlaħaq billi wieħed isegwi waħda mir-rotot immarkati b’linja ħadra miksura fuq il-mappa mehmuża.
L-ewwel fażi ta’ dawn ix-xogħlijiet mhix ser taffettwa l-ħruġ mill-ajruport.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jiskuża ruħu ta’ kwalunkwe inkonvenjent li jista’ jiġi kkawżat minn dawn ix-xogħlijiet.
//= $special ?>