Internazzjonali

L-Ewropa: Il-gwerra fil-Lvant Nofsani qed tixpruna mewġa ta’ anti-semitiżmu

Il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas xprunat mewġa ta’ ostilità lejn Iżrael, flimkien mal-movimenti anti-Semitiċi,f’numru ta’ pajjiżi Ewropej bħall-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Awstrija u l-Olanda.

Fir-Renju Unit, folol kbar tal-Palestinjani u residenti Gharab li qed imexxu l-protesti kontra Iżrael f’Londra – inkluż fl-underground – u fejn qed jintimidaw lill-Britanniċi li qed ibiegħu l-peprin għal Remembrance Day….Avveniment magħruf bħala Poppy Day u li – proprju għada s-Sibt —  ifakkar fis-suldati Britanniċi li tilfu ħajjithom fil-gwerer tal-passat.

Il-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak qed iżomm lill-Kummissarju tal-Pulizija responsabbli biex ‘jikkontrolla din il-mewġa ta’ mibgħeda anti-semitika’ fil-kapitali u biex ma jippermettix li xi ħadd itellef iċ-ċerimonji tradizzjonali u solenni għal Poppy Day.

Rishi Sunak qal li se jżomm lil Sir Mark Rowley responsabbli għal kulma jsir minħabba d-deċiżjoni tal-Kummissarju nnifsu biex jippermetti dimostrazzjoni ‘favur il-Palestinjani’ fl-istess inħawi ta’ Londra fejn il-poplu se jkun qed ifakkar dan il-jum speċjali għall-Britanniċi.