Miet Frank Borman, l-eks-astronawta tan-NASA li kiteb paġna ferm importanti għall-esplorazzjoni tal-ispazju meta mexxa l-ewwel missjoni ‘madwar il-qamar’ fl-istorja.
Mewtu, fl-età ta’95 sena, tħabbret f’Montana – bl-Istati Uniti anki qed trodd ġieħ lil Borman bħala l-kap tal-ewwel ekwipaġġ magħmul minn tliet astronawti li konkluda missjoni bla preċedent għal dawk iż-żmenijiet.
Borman kien pedina ferm importanti fis-suċċess tal-missjoni ta’ Apollo 8 u ismu se jibqa’ magħruf fost l-aktar pijunieri famużi f’dan il-qasam – kif ukoll bħala ‘ispirazzjoni’ għall-ġenerazzjonijiet futuri ta’ astronawti.
L-espedizzjoni spazjali ta’ Apollo 8 tmur lura għall-1968 u permezz tagħha, Borman u żewġ astronawti kollegi saru l-ewwel bnedmin li setgħu jaraw il-parti mbiegħda tal-qamar – u li l-umanità bdiet tirreferi għaliha bħala ‘the dark side of the moon’.
Intant, Bill Nelson, bħala l-Amministratur tan-NASA – l-Aġenzija tal-Ispazju Amerikana – qal li Frank Borman kien u se jibqa’ eroj għall-Amerikani kollha wara li hu għex ħajtu b’dedikazzjoni kbira għall-avvjazzjoni u l-esplorazzjoni tal-ispazju.
It-titjira ta’ Apollo 8, fl-1968, wittiet it-triq għal missjonijiet oħrajn aktar ambizzjużi fl-ispazju.
Il-missjoni tal-1968 għadha mfakkra sallum bħala waħda tassew speċjali għall-umanità għaliex Borman u l-astronawti l-oħra — Jim Lovell u Bill Anders — kienu l-ewwel bnedmin li vjaġġaw ‘il hinn mill-orbita tad-dinja u fejn irnexxielhom jitfgħu ftit tad-dawl fuq il-misteru tal-qamar u s-sinifikat tiegħu bħala parti mis-sistema solari.
//= $special ?>