Aktar minn tliet xhur wara l-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li kienet saret fit-28 ta’ Lulju, l-MCESD għadu ma rċieva l-ebda follow-up dwar il-pjan ta’ azzjoni li l-Gvern wiegħed li ser jipprepara sabiex ma terġax tirrepeti ruħha l-kriżi li kellna f’pajjiżna fis-sistema ta’ distribuzzjoni – kriżi li ġabet magħha jiem sħaħ ta’ blackouts matul is-Sajf, b’effetti enormi fuq il-familji, l-anzjani u s-sidien tal-ħwienet.
Fuq Net Television, iċ-Chairperson tal-MCESD il-Perit David Xuereb ikkonferma li dan il-follow-up għadu ma wasalx. U li l-Gvern għadu ma preżentax lill-MCESD pjan ta’ azzjoni dwar l-enerġija.
Din il-laqgħa tal-MCESD kienet saret fid-dawl tal-kriżi ta’ blackouts li ġabet magħha sħana, spejjeż u tbatijiet lil ħafna nies f’Lulju li għadda.
Filfatt fl-eqqel ta’ heatwave li ħakmet lil pajjiżna fis-sajf – bosta familji spiċċaw kellhom jarmu l-ikel kollu li kellhom fil-fridge u l-freezers… fejn saħanistra kien hemm min spiċċa mingħajr ilma peress li l-ilma jaslilhom permezz ta’ pompa li taħdem bid-dawl.
Dan apparti li din il-kriżi fil-provvista tad-dawl laqtet direttament ix-xogħol ta’ numru kbir ta’ negozji, ħwienet, u anke ristoranti li spiċċaw kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom għal diversi ġranet.
Minn naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna illi dan ikompli jikkonferma kemm il-Gvern imexxi minn Robert Abela għejja jmexxi, m’għadx baqagħlu enerġija. Dan apparti li iżjed mehdi fil-ġlied intern u biex jipprova jgħatti l-iskandli li qed ifaqqsu kuljum milli ffukat biex jindirizza l-problemi u l-isfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż, u l-poplu Malti u Għawdxi – tant li issa, qed ikaxkar saqajh anke biex ifassal pjan ċar għall-enerġija u l-provvista tad-dawl.
//= $special ?>