Lokali

Kummiedja soċjali b’kitba ta’ Lino Grech

Għaddejjin ġmielhom il-provi ta’ kummiedja soċjali li ser tkun qed tittela’ fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista nhar is-Sibt u l-Ħadd 18 u 19 ta’ Novembru.

Din il-kummiedja ser tkun imtella’ minn TIUS productions u għandha kitba ta’ Lino Grech li miet fl-età ta’ 83 sena fl-2013. Lino kien strumentali ħafna fit-tisħiħ tax-xogħlijiet teatrali u televiżivi f’pajjizna. Hu interpreta partijiet prinċipali bħala attur f’diversi produzzjonijiet miktuba minnu kif ukoll minn awturi oħra, u għadu jissemma sal-lum għall-kapulavur tiegħu ‘F’Baħar Wieħed’.

Din il-kummiedja soċjali se jkollha direzzjoni ta’ Roderick Castillo, bl-assistenza ta’ Claire Marie Webster, u ser ikunu qed jieħdu sehem atturi stabbiliti kif ukoll oħrajn ġodda.

Il-kummiedja hija bbażżata fuq karattri li mad-daqqa t’għajn jidhru normali, imma kollha għandhom l-eċċentriċità ħelwa tagħhom.

L-istorja ddur madwar familja, fejn insibu lil missier li huwa frustrat għax il-mara tiegħu qeda f’għaqda ffisata li l-popolazzjoni tad-dinja qed tisplodi. Flimkien għandhom żewġ subien, karattri opposti ta’ xulxin.

L-inkwiet jibda meta n-nannu tagħhom jiddeċidi li jagħmel żjara s’għandhom flimkien mal-mara li reġa’ żżewweġ.

Kummiedja li tinvolvi ħafna sorpriżi u li żgur se tinteressa lill-familja kollha.