Lokali

Abela spiċċa jitkellem kontra l-bżonn ta’ viżjoni ta’ eċċellenza għal pajjiżna

Diskors politiku ieħor mill-mexxej tal-Partit Laburista – diskors ta’ ħafna kliem, iżda bla ebda soluzzjoni għall-iktar sitwazzjonijiet diffiċli li bħalissa qed jaffetwaw lill-poplu Malti u Għawdxi.

Ebda soluzzjoni għat-traffiku, għall-għoli tal-ħajja, għall-iskart u t-telqa f’pajjiżna, għas-settur tas-saħħa, u għall-korruzzjoni minn dawk qrib Kastilja.

B’Robert Abela tant spiċċa mitluf fid-diskors negattiv li kien qed jagħmel, illi f’nofs l-indirizz li wassal lill-partitarji tiegħu huwa spiċċa jattakka l-ħtieġa li pajjiżna jkollu viżjoni ta eċċellenza.

“Viżjoni ta’ eċċellenza li ma teżistix,” qal Robert Abela.

Waqt id-diskors li għamel il-Ħadd fil-każin Laburista ta’ Raħal Ġdid, Abela qal illi jifhem ir-realtajiet tan-nies. Dan meta fil-verità, il-Budget nesa kompletament lill-middle class u lil dawk li ma jafux kif se jlaħħqu maż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-ispejjes kollha li mistennija jaffaċjaw fit-12-il xahar li ġejjin.

U quddiem l-prezzijiet li jum wara l-ieħor dejjem qed jiżdiedu u jagħmluha diffiċli biex il-familji jirnexxilhom jaslu sal-aħħar tax-xahar, Abela qal biss li ma jrid jara lil ħadd jaqa’ lura – għalkemm ma ta l-ebda soluzzjoni.

Intant, fl-eqqel tad-diskors tiegħu, mimli attakki partiġġjani, Robert Abela qal li huwa jmexxi Gvern tal-ħaddiema; fl-istess ġimgħa li fiha ħareġ b’mod mill-aktar ċar li nesa kompletament lill-edukaturi – minkejja l-wegħda li kien għamel.