Internazzjonali

Armistice Day: Imfakkra l-membri tas-servizzi Britanniċi qdew pajjiżhom b’distinzjoni matul il-gwerer tal-passat

Ir-Re Karlu tar-Renju Unit mexxa ċ-ċerimonji sollenni għall-Armistice Day – il-jum nazzjonali li jfakkar il-kontribut tal-membri tas-servizzi militari u ċivili li taw sehem għal-libertà tal-pajjiż waqt iż-żewġ Gwerer Dinjija u konflitti oħrajn tal-passat.

Fl-eqqel taċ-ċerimonji f’Londra, eluf ta’ veterani, membri tal-Armata u l-pubbliku fil-kapitali u madwar ir-Renju Unit issieħbu f’żewġ minuti silenzju b’rispett għall-ġenerazzjonijiet li għenu biex ir-Renju Unit jissupera l-isfidi tal-passat.

Ir-Re Karlu qiegħed l-ewwel girlanda ta’ fjuri b’rispett għall-membri tas-servizz fis-sit tas-Cenotaph, f’Whitehall, bil-membri l-oħra tal-Familja Rjali, il-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak u l-membri tal-Kabinett u kapijiet politiċi oħra jagħmlu l-istess ġest fl-aktar fażi formali taċ-ċerimonja li kienet segwita b’parata mill-inħawi ta’ Whitehall.