Raġel ta’ 31 sena residenti l-Mosta ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat qtil ta’ fjammingu, li hija tajra protetta.
Ilbieraħ, għal ħabta tad-9 am, il-Pulizija rċeviet rapport li fl-akwati ta’ Qalet Marku, fil-limiti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, in-Naxxar, kien hemm persuna li sparat fuq fjammingu. Il-Pulizija marru fil-post fejn xi persuni li kienu fl-akwati, qalu li raw raġel jispara lejn l-għasfur li waqa’ fil-baħar u l-istess persuna ġabru u telaq mill-post b’vettura.
Investigazzjonijiet illi saru wasslu biex ġiet identifikata l-persuna li allegatament sparat fuq it-tajra. Minnufih bdiet tfittxija għalih, fejn dalgħodu, il-Pulizija innutaw il-vettura li telqet mill-post f’Baħar iċ-Ċagħaq ipparkjata fil-Mosta. Saret tfittxija fl-akwati u minn residenza fl-istess triq, ġiet arrestata l-persuna li qablet ukoll mad-deskrizzjoni li allegatament sparat fuq it-tajra.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.
//= $special ?>