Internazzjonali

Il-Gwerra f’Gaza: Eliminati terroristi ‘elit’ li kellhom sehem ewlieni fil-massakri f’Iżrael

Il-qawwiet Iżraeljani qed jintensifikaw il-kaċċa għat-terroristi tal-grupp Ħamas huma u jduru minn dar għal dar u minn kumpless għall-ieħor fost il-battalji kbar fit-Tramuntana ta’ Gaża.

Dan ukoll meta l-ġlied qed jinfirex madwar il-belt ta’ Gaża fejn l-Iżraeljani – appoġġjati bil-vetturi armati u l-bulldozers – qegħdin jikkonfrontaw il-gruppi tat-terroristi li qed jirreżistu b’fanatiżmu estrem u li qegħdin jokkupaw ir-residenzi u zoni oħrajn mimlijin biċ-ċivili Palestinjani.

Sadanittant, il-kelliema għall-Armata Iżraeljana żvelaw li l-qawwiet tagħhom, fi tmiem il-ġimgħa, eliminaw, fil-parti kbira. skwadra elitista ta’ kommandos mal-Ħamas li kienu protagonisti fil-massakru storiku tas-7 ta’ Ottubru f’Iżrael.. Massakru li fih it-terroristi tal-Ħamas invadew Iżrael u qatlu brutalment lil 1,400 persuna – b’numru kbir ta’familji jisfaw maħruqin ħajjin f’darhom stess.

L-Iżraeljani qalu li l-qawwiet elit ‘Nukhba’ tal-Ħamas dakinar kienu mxew skont id-direzzjonijiet speċifiċi tal-kapijiet biex ma jaħfruha lil ħadd, inklużi tfal u trabi. Sar magħruf ukoll li l-Iżraeljani ilhom l-aħħar ġimgħat  jippjanaw bir-reqqa l-eliminazzjoni ta’ dan il-‘commando group’ terrorista.

Ftit hemm magħruf dwar l-iskwadra ta’ ‘Nukhba’ iżda hu ċert li din kienet – u sa ċertu punt għadha – it-taqsima tal-qawwiet speċjali fi ħdan il-fergħa militari tal-Ħamas (f’Gaża) bl-isem Brigati ta’ Izz ad-Din al-Qassam. Mifhum li l-Iżraeljani, waqt l-attakki fuq it-terroristi ta’ ‘Nukhba’ eliminaw anki lil diversi kapijiet tal-Ħamas li mexxew u koordinaw l-azzjonijiet terroristiċi tas-7 ta’Ottubru f’Iżrael.

Il-membri tas-7 Brigata tal-Armata Iżraeljana, ukoll magħmulha minn ġellieda elit, kellhom l-inkarigu għall-assedju fuq il-bini tal-kommandos tal-Ħamas u fejn anki sabu kwantità kbira ta’ armi, missili, drones, mortars u tagħmir għall-komunikazzjoni.